Għexieren ta’ eluf jiddefendu lill-Isqfijiet Kattoliċi fin-Nicaragua

Dimostranti waqt marċ b’appoġġ għall-Knisja Kattolika li sar f’Managua fit-28 ta’ Lulju

Skont għexieren ta’ eluf li s-Sibt li għaddaa ħadu sehem f’dimostrazzjoni b’difiża għall-Knisja Kattolika, partikolarment l-Isqfijiet, il-membri tal-kleru la huma terroristi u anqas nies li jfasslu xi kolp ta’ stat, imma rgħajja li jħarsu l-merħliet tagħhom.

Għalkemm f’dawn l-aħħar erba’ xhur il-protesti fit-toroq tan-Nicaragua saru xi ħaġa regolari b’miljuni ta’ persuni jinżlu jipprotestaw fit-toroq minn April ‘l hawn, kontra l-Gvern tal-President Daniel Ortega u martu li hi l-Viċi President, dak ta’ nhar is-Sibt kien marċ differenti mill-oħrajn.

L-attività, teknikament imsejħa “Pellegrinaġġ b’solidarjetà mal-Isqfijiet u r-Rgħajja”, ġabret folla massiċċa bi tweġiba għall-attakki li sofrew l-Isqfijiet tal-pajjiż f’dawn l-aħħar xhur mill-Gvern ta’ Ortega u l-forzi alleati tiegħu.

Dun Carlos Avilés, rappreżentant tal-Knisja li ndirizza l-folla li nġabret quddiem il-Kattidral ta’ Managua, qal li “bħala nsara ma rridux nirrikorru għall-vjolenza. Ejja ngħixu l-paċifiżmu u l-umaniżmu radikali li għandhom l-għeruq fil-persuna umana u ngħinu lil ħutna fil-bżonn”.

Żied jgħid li l-Knisja dejjem tagħżel id-djalogu u tipprova ssolvi l-problemi billi titkellem bl-uħu tar-raġuni u mhux bil-vjolenza. “Għalhekk, il-Knisja, anke jekk muġugħa, anke jekk tkun kritikata, xorta tibqa’ tagħżel id-djalogu biex in-nies jifhmu lil xulxin billi jitkellemu ma’ xulxin u mhux jitgħajjru”, kompla Dun Aviles.

Tul id-diskors tiegħu s-saċerdot kien interrott diversi drabi mill-folla b’ċapċip jew kant b’appoġġ għall-Isqfijiet.

“Li tkun paċifist radikali hi waħda mis-sinjali tan-nisrani li bħal Kristu rridu nkunu lesti li nagħmlu bħalu billi “nitolbu għal dawk li jippersegwitawna u nbierku lil dawk li jgħajjruna”.