Aġġornata: Mill-inqas 233 mejta wara terremot qawwi fl-Ekwador

Terremot qawwi li laqat lill-Ekwador u li mmarka 7.8 fuq l-Iskala Richter ħalla, minn tal-inqas, 233 persuna mejta u iktar minn 500 persuna mweġġa’.

L-Ekwador iddikjara Stat ta’ Emerġenza f’sitt provinċji minħabba l-ħsarat kbar u l-periklu li ġab miegħu t-terremot.
Intant, il-Pacific Tsunami Warning Centre, wissa li mewġ għoli bejn 0.3 u metru, jistgħu jaslu f’partijiet mill-kosta tal-Ekwador.
Anke l-Peru, pajjiż ġar, ħareġ twissija ta’ tsunami fil-kosta tat-tramuntana tiegħu. It-theżżiża nħasset ukoll fil-Kolombja, fejn pazjenti rikoverati fi Sptar f’Cali, kellhom jiġu evakwati.
It-terremot, li l-epiċentru tiegħu kien viċin il-kosta ta’ Muisne, ġarraf pont kbir fl-akbar belt tal-Ekwador, Guayaquil, li tinsab 300 kilometru ‘l bogħod.
Dan heżżeż ukoll il-bini tal-kapitali Quito, b’mijiet ta’ residenti jkollhom joħorġu ‘l barra minn djarhom fil-paniku.
It-terremot ġarraf ukoll it-torri tal-kontroll tal-ajruport fil-belt ta’ Manta.
Partijiet mill-Ekwador, fosthom il-kapitali, spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku.
10,000 truppi u 3,500 pulizija qed jintbagħtu lejn il-postijiet milquta.
Intant, fil-jiem li għaddew, żewġ terremoti f’inqas minn 24 siegħa, ħallew għexieren mejta fil-Ġappun.