Aġġornata: Jitilgħu għal 64 il-mejta fis-Siberja

Sa issa ġew ikkonfermati 64 mejta wara li stabbilment tax-xiri ħa n-nar fil-belt ta’ Kemerovo fis-Siberja, ir-Russja.
Jidher li n-numru jista' jibqa' tiela', hekk kif sa ftit sigħat ilu kien hemm in-nofs tal-għadd imsemmi ta' mejtin.
Bosta mill-vittmi huma tfal, 41 tifel u tifla, hekk kif partijiet mill-binja ġġarrfu għal fuq in-nies.
Il-Pulzija Russa qalet li għad fadal mal-10 persuni li ma tistax tidentifika.
Jidher li n-nirien bdew f’kumpless fis-sulari ta’ fuq, xħin il-biċċa l-kbira mill-vittmi kienu qegħdin fiċ-ċinema.
Skont rapporti mill-midja internazzjonali, in-nar qabad għall-ħabta tal-11pm, ħin Malti, f’parti mill-istabbilment fejn hemm iz-zona tad-divertiment.
Sa issa l-kawża tan-nar għadha ma nstabitx, u mas-600 uffiċjal qegħdin jagħmlu ħilithom biex isalvaw kemm jista’ jkun nies.
Minn filmati li ttellgħu fuq il-mezzi soċjali, jidhru nies jaqbżu minn sulari għoli biex jevitaw il-ħruq.
Sadanittant, il-Kanċillier Awstrijakk, Sebastian Kurz, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Latvja, Edgars Rinkēvičs, bagħtu l-kondoljanzi tagħhom lill-qraba u l-ħbieb tal-vittmi.
Il-kumpless kien fetaħ fl-2013, u fost l-oħrajn kien fih ċinemi, ristoranti, sawna, faċilità tal-bowling u zoo għat-tmellis tal-annimali.