Awdjo: Għexieren jimxu favur aktar infurzar għall-ħarsien tal-annimali

Għexieren ta’ persuni nġabru dalgħodu f’Tas-Sliema biex jimxu flimkien fi protesta silenzjuża dwar il-ħarsien tal-annimali f’Malta.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Moira Delia, l-organizzatur ta’ din il-protesta qalet li inutli nitkellmu fuq il-liġijiet jekk ma jkunx hawn infurzar.
Qalet li tinsab bla kliem għax ma stennitx li se jattendu dawk in-nies kollha biex jimxu favur il-ħarsien u drittijiet tal-annimali.
“Nittamaw li l-messaġġ tagħna ma jaqax fuq widnejn torox,” saħqet Delia.
Qalet li wasal iż-żmien biex l-awtoritajiet iduru u jidħlu fl-irziezet biex jaraw l-istat li fih qed jgħixu ċertu annimali.
Saħqet fuq iż-żmiewel li ma għandhomx jitħallew fix-xemx u staqsiet jekk wasalx iż-żmien li l-kuċċiera, li jħallu ż-żwiemel fix-xemx, jingħataw multi.
Dwar l-annimali slavaġġ staqsiet kif jista’ jkun li dawn jissakkru f’gaġġa żgħira u kompliet tisħaq kemm hemm bżonn ta’ aktar infurzar fuq il-kaċċa illegali.
Tkellmet ukoll dwar il-qtil tal-ħamiem li qed isir f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Qalet li hemm metodi oħra kif wieħed jista’ jnaqqas il-popolazzjoni tagħhom.
Fi tmiem il-mixja, ix-xemx għamlet tagħha, u għadd ta’ klieb, li kienu ma sidhom fil-protesta, ninżlu wkoll jiffriskaw fil-baħar.