Filmat: Għexieren isellmu “lit-teżor li tilef il-pajjiż”

Il-mewt ħabta u sabta tal-attivist favur il-fqir u l-batut, Charles Miceli, ħalliet ħafna bla kliem, jew bi ftit kliem li żgur ma kienx biżżejjed biex jilqa’ fih il-ġid u l-legat tremend li se jħalli warajh dan il-bniedem.
Kienu bosta li esprimew ix-xokk fuq il-mezzi soċjali.
"Ħabib kbir tal-foqra"
L-Arċisqof Charles Scicluna qal fi tweet li Miceli kien ħabib kbir tal-foqra, u awgura lil Miceli post fil-ġenna fejn jixraqlu.

“Malta tilfet wieħed mill-aqwa wlied li qatt rat fil-qasam tal-ġustizzja soċjali”
Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li Malta tilfet wieħed mill-aqwa wlied li qatt rat fil-qasam tal-ġustizzja soċjali.
Iddeskrivietu bħala ispirazzjoni għal dawk li jaħdmu biex jagħtu vuċi lil min m’għandux.
“Kont tgħix dak li temmen fih, kont tmiss l-għaraq u t-tbatija ta’ min hu verament fil-periferija tas-soċjetà”
Fost l-oħrajn hemm Leonid McKay, id-direttur tal-Caritas, li fiha għal 30 sena Miceli kien ħadem mal-persuni bil-vizzju tad-droga.
McKay kiteb li Miceli kien il-mudell ta’ persuna li għexet il-vera għażla preferenzjali tal-fqar.
Iżid li Miceli kien jgħix dak li jemmen fih, għax kien imiss l-għaraq u t-tbatija ta’ min hu mwarrab, filwaqt li jikkwota versi mill-Bibbja, li jgħid li għal Miceli kienu prinċipji sempliċi, “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.”
Wieħed mill-aħħar artikli li Miceli kiteb kien intitulat, Faqar, vizzji u ħabs.
“Soċjalist li ma nxtara qatt”
Andrè Callus, mill-Moviment Graffitti, iddeskriva lil Miceli bħala soċjalist li ma nxtara qatt, u ddedikalu l-innu nazzjonali tas-soċjalisti, meta rrefera għal post minn tiegħu li kienet tgħid, “Il-klassi tal-ħaddiema hija internazzjonali”.

F’post oħra Callus sostna li Miceli politikament wera b’xogħlu li jekk nixtiequ nġibu bidla, post qalbna għandu jkun biss mal-ħaddiem.
“Tpinġija ta’ malajr mhix biżżejjed, imma…”
Min-naħa tiegħu, il-pittur Ġorġ Mallia tella’ tpinġija bil-lapes li fassal apposta, u qal li mhix biżżejjed biex tfisser it-telfa kbira li ġarrbu lbieraħ dawk li fis-soċjetà ftit jinstema’ dwarhom.
“Il-viżjoni tiegħek se tkun il-ħidma tiegħi, ħabib”
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, sellem il-memorja ta’ Miceli, u kiteb li l-viżjoni li kellu hu se tiggwida l-ħidma ministerjali tiegħu.
Temm jgħid li se jkompli l-ħidma tiegħu biex inaqqas kull tip ta’ faqar mill-pajjiż.
“Tlift ħabib, u Malta tilfet teżor”
Il-Kelliem Nazzjonalista għall-Faqar, Ivan Bartolo, qal li tilef ħabib, iżda Malta tilfet teżor. Semma kemm kien jiltaqa’ ma’ Miceli u ħabibu, Joe Bartolo, biex jiddiskutu t-temi għal qalb Miceli.
“Ħallejtna ltiema”
John Baldacchino, professur u eksblogger ta’ Newsbook.com.mt, kiteb li Miceli ħallieh iltm, filwaqt li semma kif fil-passat kien Miceli li ħajru jibda jikteb, u aktar tard wara ħafna snin reġa’ beda jħeġġu.
“Kelli ħabib sieket”
It-tabib Għawdxi, Anton Grech, qal li f’Miceli kellu ħabib sieket, u semma kif l-aħħar li kellmu Miceli staqsieh jinsabx tajjeb.
Grech irrimarka li kienet tipika ta’ Miceli li l-ewwel ma jaħseb hu fuq il-benessri ta’ ħaddieħor.
Ma naqsux lanqas persuni li fil-passat kellhom il-vizzju tad-droga, li lbieraħ reġgħu ftakru f’kemm Miceli kien għamel magħhom fis-snin fraġli tagħhom.
Fosthom raġel li fuq il-wall ta' Miceli kitbet li meta kulħadd ħallieh għal riħu, kien Miceli li qabdu minn xagħru u baqa' jiġri warajh. Iżid li bis-saħħa tiegħu li llum għadu clean.
Finalment, dan huwa filmat li lbieraħ reġa’ beda jdur il-midja soċjali. Intervista ma’ Miceli jitkellem dwar tfulitu, li toħroġ il-karattru ferrieħi li kellu, minkejja r-reltajiet koroh li kien iħabbat wiċċu magħhom.

Uħud qed jitolbu li Charles Miceli jsirlu funeral statali.
Il-funeral ta' Miceli se jsir it-Tnejn fil-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar, fid-8.45am.
Ritratt: Ġorġ Mallia