Għeluq ta’ pubs u teleworking fost il-miżuri mistennija mir-Renju Unit

Mill-Ħamis li ġej, pubs, bars u restaurants fir-Renju Unit se jkollhom jibdew jagħlqu fl-10 ta’ filgħaxija filwaqt li n-nies qed tintalab biex kull min jista’, jaħdem mid-dar.

Fi stqarrija, u f’messaġġ imxandar fuq it-televiżjoni, il-prim ministru Boris Johnson nieda sett ta’ miżuri ġodda sabiex tkun miġġielda ż-żieda drammatika ta’ każijiet ta’ COVID-19.

Huwa w jitkellem fuq Sky News qabel il-ħruġ ta’ l-istqarrija, Michael Gove qal li fejn hu possibbli, in-nies għandha tipprova tagħmel minn kollox biex taħdem mid-dar.

“Ma xtaqniex nieħdu dawn il-passi iżda issa hemm bżonn li nieħduhom għaliex ir-rata ta’ infezzjoni qed terġa’ tiżdied u l-għadd ta’ nies li qed imorru l-isptar qed jiżdied ukoll, għalhekk hemm bżonn li nieħdu azzjoni,” qal Gove.

Din il-miżura, li se tinkludi s-settur kollu ta’ l-ospitalità li bil-liġi se jkun limitat għal servizz fuq l-imwejjed biss, se tidħol fis-seħħ wara li l-awtoritajiet tas-saħħa tal-gvern reġgħu żiedu l-livell ta’ allert ta’ COVID-19.

Uffiċjali mediċi fl-Ingilterra, l-Irlanda ta’ Fuq, l-Iskozja u Wales tellgħu il-livell minn tlieta għal livell erbgħa li jfisser livell għoli jew li qed jiżdied ta’ trażmissjoni li jirrikjedi d-distanza soċjali.

Filwaqt li l-egħluq tal-pubs u r-ristoranti fl-10 ta’ filgħaxija se tkun daqqa għas-settur, hemm serħan il-moħħ li l-gvern mhux qed jitlob shutdown totali, għalkemm dan kapaċi jseħħ f’ċertu hotspots fejn tkun reġistrata żieda fl-infezzjonijiet.

Is-sindku ta’ Londra Sadiq Khan qal lil Sky News li kien qed jipproponi sa 15-il restrizzjoni ġdida fil-kapitali, inkluż l-ilbies tal-maskri f’spazji pubbliċi, restrizzjonijiet fuq tiġijiet u funerali u iżjed nies jaħdmu mid-dar.

Dawn il-miżuri ġodda mill-gvern mistennija jitħabbru minn Boria Johnson f’ġurnata mimlija attività għall-prim ministru, ġurnata li se tibda’ b’laqgħa tal-kabinett fit-8.30 ta’ filgħodu fejn il-ministri mistennija japprovaw il-proposti mressqa minn Downing Street.

Wara diversi laqgħat ma’ uffiċjali għolja minn madwar ir-Renju Unit kollu, Boris Johnson mistenni jagħmel diskors fil-Parlament għall-ħabta tan-12.30 segwit minn indirizz lin-nazzjon fuq it-televiżjoni li se jixxandar fit-8 ta’ filgħaxija. Dan id-diskors mistenni jkun dwar “iżjed modi kif nikkonfrontaw il-virus skond l-aktar pariri xjetifiċi aġġornati, u r-rwol li għandu kulħadd sabiex tkun kontrollata l-pandemija, fosthom billi tinżamm id-distanza soċjali, l-ilbies ta’ maskri u l-ħasil ta’ l-idejn b’mod kostanti”.

Kelliem għal Downing Street qal: “kulħadd huwa konxju ta’ l-isfidi li dawn il-miżuri ġodda se jkollhom fuq ħafna individwi u negozji.

“Nafu li dan mhux se jkun faċli iżda hemm bżonn azzjoni sabiex nikkontrollaw din iż-żieda ta’ każijiet tal-virus u sabiex inħarsu s-servizz nazzjonali tas-saħħa.”

Matul tmiem il-ġimgħa li għadda, Downing Street organiżża diversi laqgħat ma’ konsulenti xjentifiċi, ministri u uffiċjali għolja sabiex tkun diskussa l-pandemija u l-miżuri ġodda li hemm bżonn jittieħdu.

Nhar is-Sibt li għadda fil-fatt, il-kabinett ingħata briefing mill-kap uffiċjal mediku ta’ l-Ingilterra, il-Professur Chris Whitty, mill-kap konsulent xjentifiku Sir Patrick Vallance, u l-kap ekonomista Clare Lombardelli.

Fil-briefing tagħhom, il-Professur Whitty u Sir Patrick qalu li l-għadd ta’ każijiet ta’ coronavirus qed jirdoppja kull sebat ijiem u jekk din ir-rata tibqa’ l-istess, sa nofs Ottubru kapaċi jkun hemm rata ta’ 50,000 każ kuljum.

Iż-żewġ kelliema qalu li x-xitwa kapaċi tkun waħda ta’ sfida filwaqt li l-prim ministru qal li ż-żieda fir-rata ta’ infezzjonijiet kienet xi ħaġa li qed tinkwetah ħafna u li qed joħodha bis-serjetà ħafna. Huwa saħaq l-impenn tiegħu li jaħdem mill-qrib ma’ l-amministrazzjonijiet kollha sabiex ikun miġġieled dan il-virus,” u kulħadd qabel li fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin, se jkun hemm bżonn li kulħadd jaħdem b’mod magħqud.

Minn nhar it-Tlieta, f’Wales, terz tal-popolazzjoni se tkun taħt xi forma ta’ lockdown lokali u fl-Iskozja, dalwaqt mistennija jitħabbru iżjed restrizzjonijiet.

F’reazzjoni għaż-żieda fil-livell ta’ l-allert tal-COVID-19, is-Segretarju għas-Saħħa Matt Hancock qal li dan jirrifletti bidla sinifikanti fit-theddida tal-coronavirus.

“Dan il-pajjiż jinsab f’mument delikat ħafna fil-mod kif se jirrispondi għal din is-sitwazzjoni u kulħadd għandu rwol vitali x’jaqdi biex inwaqqfu ‘l dan il-virus milli jkompli jinfirex u sabiex inħarsu l-ħajja tan-nies.”

“L-aqwa difiża dejjem kienet dik li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, li niftakru naħslu idejna u wiċċna, li nżommu l-ispazju, li ma nkunux iżjed minn sitt minn nies f’daqqa u li kull min jista’ jgħaddi l-virus, jibqa’ iżolat.”

Is-sindku ta’ Londra is-sur Khan aktar tard ħabbar li kien intlaħaq ftehim dwar pjan speċjali għal Londra bejn il-mexxejja tal-kunsilli mill-partiti kollha u l-esperti tas-saħħa pubbliċi, pjan maħsub sabiex inaqqas it-tifrix tal-virus u jkunu salvati ħajjet il-Londiniżi kollha.

Huwa qal li se jkun qed jiddiskuti l-pjan mal-prim ministru Johnson u se jitlob lill-gvern sabiex jimplimentah.

“Mingħajr ittestjar u contact tracing adegwat f’Londra, m’għandniex għażla oħra ħlief li nħarsu lejn miżuri oħra sabiex innaqqsu l-firxa tal-virus, qal is-sindku tal-kapitali.

“Nemmen bis-sħiħ li jekk nieħdu azzjoni minn kmieni, minflok ma nimponu miżuri aktar ħorox wara, dan ikun l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu kemm għall-ġid tas-saħħa pubblika u ta’ l-ekonomija.

“Naf li ħafna Londiniżi, bħali, se jkunu frustrati ħafna jekk jerġgħu jiddaħħlu restrizzjonijiet ġodda b’mod imminenti. Kull min joqgħod f’Londra, diġa għamel ħafna sagrifiċċju u kulħadd wera’ determinazzjoni sabiex jitħarsu r-regolamenti u kulħadd jaqdi dmiru – u dan bi spejjeż kbar.”

“Għaldaqstant, jekk nieħdu azzjoni b’saħħitha minn issa sabiex nevitaw lockdown itwal u iżjed diffiċli fil-ġejjieni, bla dubju jkun l-aqwa mod kif insalvaw il-ħajja ta’ ħafna nies, inħarsu l-impjiegi u ngħinu lill-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha,” temm jgħid is-sur Khan.