Għeluq skejjel: X’qed jgħidu l-ġenituri u l-għalliema?

Ftit wara li ħarġet l-aħbar li fl-aħħar 24 siegħa nstab numru rekord ta’ 106 każ pożittiv ta’ COVID-19 f’Malta, il-Unjin tal-Għalliema (MUT) waqt konferenza stampa qalet li dalgħodu l-kunsill tagħha vvotta li:

  • Il-ftuħ tal-iskejjel għandu jiġi pospost (tal-Gvern, tal-Knisja, indipendenti, skola obbligatorja u mhux, postsekondarja u terzjarja)
  • Titlob li l-iskejjel jingħataw ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti li juri li huma siguri biex jilqgħu lit-tfal.

Din l-aħbar, flimkien mal-appell tal-Union for Professional Educators (UPE) biex l-iskejjel jibqgħu magħluqa fit-28 ta’ Settembru minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-COVID-19, ġabet bosta reazzjonijiet varji fost il-ġenituri kif ukoll l-għalliema.

Fost l-iktar kummenti li spikkaw kien hemm dak fejn fuq Facebook qal li l-għalliema ħaqqhom il-forka għax ma jridu jagħmlu xejn. Dan il-kumment, fost oħrajn, ġab l-istmerrija ta’ ħafna nies għal mibgħeda u nuqqas ta’ rispett li l-għalliema jkollhom jaffaċċjaw ruħhom magħha fis-soċjetà.

Sadanittant diversi ġenituri oħra qablu li l-iskejjel ma jiftħux għalissa sakemm jinstab vaċċin jew il-każijiet jonqsu sew għax qed jibżgħu għas-saħħa ta’ wliedhom.

Fl-aħħar jiem, hekk kif il-unjins tal-għalliema ltaqgħu mal-għalliema f’laqgħat biex jiddiskutu l-preparazzjonijiet u miżuri għas-sena skolastika li jmiss, diversi għalliema esprimew l-inkwiet tagħhom għax ħassew li huma meqjusa biss bħala numri u babysitters biex joqgħodu mat-tfal waqt li l-ġenituri jkunu jistgħu joħorġu jaħdmu.

Edukaturi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt esprimew dan l-inkwiet hekk kif għalkemm il-Gvern ħabbar il-miżuri li se jittieħdu fl-iskejjel minħabba l-pandemija, ħafna għalliema, kif ukoll il-Unjins, ħassew li dawn ħarġu tard wisq hekk kif bdew jiġu diskussi pubblikament fil-bidu ta’ Settembru.

Diversi edukaturi stqarrew ma’ Newbsook.com.mt li qed iqattgħu ġranet u ġieli anke ljieli sħaħ inkwetati dwar x’se jiġri jekk l-iskejjel jinfetħu fl-istat li Malta tinsab fih bħalissa minħabba l-pandemija. Ħafna jinsabu inkwetati bil-fatt li għalkemm huma mhumiex vulnerabbli, għandhom membri tal-familja d-dar, inkluż tfal u ġenituri, li huma vulnerabbli u l-ftuħ tal-iskejjel se jkompli jpoġġihom f’riskju. Semmew ukoll il-fatt li se jiħolqu diversi problemi loġistiċi kemm għall-amministrazzjoni tal-iskejjel kif ukoll għall-istudenti hekk kif diversi edukaturi f’xi punt jew ieħor, jaf anke iktar minn darba, jispiċċa jkollu joqgħod fi kwarantina minħabba li hu jew membru tal-familja li jgħix miegħu ikun ġie f’kuntatt ma’ każ pożittiv.

L-edukaturi laqgħu l-fatt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni se jkun qed jipprovdi hand sanitizers u visors, pero fost l-inkwiet tagħhom hemm il-fatt li qed iħossu li d-distanza bejn l-imwejjed f’diversi klassijiet mhix biżżejjed u l-ammont ta’ studenti li qed ikun pjanat li jkun hemm f’kull klassi xorta huwa ħafna biex wieħed jikkontrolla t-tixrid tal-virus b’mod effettiv. Diversi għalliema qalu li f’dan l-istadju l-iskejjel għandhom ikunu indirizzati bl-istess miżuri bħal avvenimenti tal-massa, li bħalissa hemm miżuri stretti fuqhom, fosthom fejn jidħol l-ammont ta’ nies li jitħallew joqgħodu ġewwa u barra.

Jidher li l-ikbar inkwiet huwa dwar l-iskejjel tal-Primarja u Sekondarja hekk kif fil-linji gwida għall-iskejjel postsekondarji ppubblikati lbieraħ, il-Ministeru tas-Saħħa wera preferenza li t-tagħlim isir online, inkella li jkun hemm taħlita ta’ tagħlim online u fil-klassi.

Sadanittant il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-istudenti għandhom jidħlu fil-faċilitajiet sanitarji b’mod galbat u jagħmlu użu mill-miżuri ta’ mitigazzjoni u iġjene li ġew implimentati. Tħabbar ukoll li f’kull skola se jkun hemm Isolation Room sabiex tintuża mill-istudenti li jinstabu bid-deni matul il-ħin tal-iskola sakemm jistennew lill-ġenituri jew lill-gwardjani jiġu għalihom.

Miżuri għall-ftuħ tal-iskejjel

L-istudenti għandhom jidħlu fil-faċilitajiet sanitarji b’mod galbat u jagħmlu użu mill-miżuri ta’ mitigazzjoni u iġjene li ġew implimentati.#movingforward

Posted by Edukazzjoni on Tuesday, September 15, 2020

Wara l-ammont rekord ta’ każijiet ġodda li tħabbru llum, in-Netwerk għas-Soċjetà Ċivili appella biex is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci terġa’ tibda tidher fuq it-televixin ta’ kuljum biex tagħti aġġornament fuq il-każijiet tal-coronavirus f’Malta.

Sadanittant Dr Azzopardi-Muscat, direttur tad-Division of Country Health Policies and Systems fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, waqt intervista fuq il-programm 103 Morning li xxandret fuq 103 Malta’s Heart qalet li l-iskejjel m’għandhomx jerġgħu jingħalqu jekk mhux bħala l-aħħar pass biex tikkontrolla l-imxija tal-Covid-19.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni Charles Caruana Carabez qal li l-pandemija għamlet aktar ħsara fuq l-edukazzjoni mill-Gwerra Dinjija.

It-tfal ma jistgħux jitilfu aktar tagħlim tort tal-Ministeru – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li t-tfal ma jistgħux ikomplu jitilfu aktar tagħlim tort tal-inkompetenza tal-Gvern. Fi stqarrija li kienet iffirmata mis-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux preparat bi pjan A biex jipprovdi edukazzjoni fiżikament fl-skejjel u lanqas ma jinsab ippreparat kif jixraq bi pjan B biex joffri edukazzjoni diċenti b’mod remot.

Puli semma li l-Gvern ħareġ sejħa għall-edukaturi fil-11 ta’ Settembru biex jagħmlu sillabi sħaħ irrekordjati għall-użu ta’ teleskola u dawn is-sejħiet messhom ħarġu minn tal-inqas f’Mejju jew Ġunju li għadda.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li taqbel unjins u l-professjonisti li ilhom xhur jappellaw għall-pjanijiet differenti f’xenarji differenti li jistgħu jinqalgħu minħabba l-pandemija. Żiedu li sitt xhur wara l-Gvern m’għadx għandu l-iskuża li kellu f’Marzi li għadda.