“Għażla ċara jekk niqfux nofs triq jew inkomplu miexja ‘l quddiem” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-poplu għandu quddiemu għażla ċara. Jew jieqaf f’nofs it-triq u fi kliemu jitlef dak li nkiseb jew inkella jkompli miexi ‘l quddiem.
Waqt attività politika fil-Mosta, il-Prim Ministru qal li fl-2012, meta kien hemm l-istess spiża kapitali, il-pajjiż irreġistra l-akbar defiċit fl-istorja tal-pajjiż u mhux l-ewwel surpus f'35 sena. Dan b’risposta għall-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni li s-surplus huwa riżultat ta’ inqas proġetti.
Il-Prim Ministru qal li dan is-surplus huwa riżultat tal-ħidma tal-Gvern u kien irreġistrat minkejja n-nuqqas fit-taxxa, it-traħħis tal-kotijiet, iż-żieda fil-pensjonijiet u oħrajn.
“Meta jkollok aħbar tajba trid tirikkonoxxiha għax hemm tidħol il-kwistjoni tal-kredibilità, qal Dr Muscat. “ Iżda l-problema ta’ Simon Busuttil hija li m’għandux kredibilità,"
Il-Mexxej Laburista qal li kieku l-Kap tal-Oppożizzjoni jieħu parir mingħand “persuna waħda kompetenti” kien jurih li dak li qed jgħid mhux minnu u li l-verità hi li “Simon Busuttil jirreġistra l-ogħla defiċit fl-istorja."
Kompla jgħid li l-pajjiż qed jinbidel bil-bidliet il-kbar tal-ekonomija li fi kliemu dan il-Gvern wettaqhom “mhux fi kwart ta’ seklu, imma f’4 snin.”
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern seta’ għamel bħal ta’ qablu, jiġifieri ma jonfoqx u jżid it-taxxi, iżda minflok għażel triq differenti u investa aktar.
Spjega li llum il-familji għandhom aktar flus fil-but mit-traħħis tal-kontijiet u allura n-nies jonfqu aktar. Kompla jgħid li la n-nies se jonfqu aktar allura hemm bżonn lin-nies joħorġu jaħdmu. Fakkar fiċ-childcare u qal li minkejja li jiswa miljuni, il-Gvern qalagħhom lura  “għax ir-rota bdiet idur.".
“Ħaddieħor jgħid, iżda aħna nwettqu. Ħaddieħor jitkellem fuq ħafna affarijiet, trasparenza u korruzzjoni, aħna nwettqu bidliet fil-liġi,” qal il-Prim Ministru iżda saħaq li għadu mhux kuntent għax fadal ħafna xi jsir.
B’referenza għall-baġit li jmiss, il-Prim Ministru qal l-Gvern se jibda jindirizza lin-nies tal-Korpi u agħmel ukoll referenza għall-pjani fil-housing waqt li saħaq li l-Gvern ma jħaris lejn iċ-ċiklu ekonomiku imma lejn dak ekonomiku.