Għażla bejn il-kontinwità tal-aħħar 3 snin jew paġna ġdida – id-19 tal-PN

Read in English.

Il-maġġoranza tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalsita (PN) li jrid kap ġdid qal li l-Kunsilliera se jagħżlu bejn il-kontinwità ta’ dak li raw matul l-aħħar tliet snin jew bidu ta’ paġna ġdida b’elezzjoni bejn diversi persuni.

Dawn id-19-il deputat qalu dan fi stqarrija li fiha qalu li l-proċess li għaddej minnu l-partit mhux wieħed faċli.

“Iżda dan hu dak li jagħti s-saħħa lill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista: il-jedd li jiddeċiedu x’futur iridu jagħtu lill-Partit,” qalu d-deputati.

Appellaw biex min għadu se jivvota għada jew is-Sibt jiftakar fir-responsabbilità kbira u jagħraf juża l-vot tiegħu fl-aħjar interess tal-PN u tal-pajjiż.

Id-19 qalu li għandhom fiduċja li l-PN ikollu kap ġdid li jwassal għal Oppożizzjoni b’saħħitha. Saħqu li l-PN irid jitmexxa minn persuna ta’ intergrità, serja, onesta u kredibbli.

Għandna nikkonfermaw il-ħidma ta’ Delia – il-Vuċi tat-Tesserati

Intant l-hekk imsejjaħ grupp tal-Vuċi tat-Tesserati qal li l-Kunsillieri għandhom iċ-ċans jikkonfermaw il-“ħidma kbira” li saret tul l-aħħar tliet snin tat-tmexxija ta’ Adrian Delia.

“Għal darb’oħra nappellaw lill-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali tal-PN biex jagħżlu li nibqgħu nsaħħu l-partit tagħna bid-direzzjoni ċara ta’ Adrian Delia, biex il-PN jibqa’ jkun l-għodda fejjieda għal pajjiżna, partit li jagħti s-setgħa lin-nies, lit-tesserati tiegħu mhux lil ftit. Il-Kunsillieri meta jmorru jivvutaw għandhom jagħżlu li flimkien mal-Kap Adrian Delia nibqgħu nżidu mas-suċċessi li ksibna bir-riformi li hu mexxa,” qal il-grupp tal-Vuċi tat-Tesserati.