“Għażla bejn il-bilanċ u t-tixrid ta’ biża’” – Tal-IVA

Tal-IVA qed isostnu li l-bilanċ hu pilastru importanti fil-kampanja tagħhom għax jekk fis-soċjetà ċivilizzata jintilef il-bilanċ, issir soċjetà estremista bla sens ta’ ġudizzju oġġettiv.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Kathleen Grima li qed tmexxi l-kampanja favur il-kaċċa fir-rebbiegħa sostniet li ma taqbilx mal-LE għax fil-każ tal-kaċċa wkoll kien hemm żvilupp u tibdil.
Qalet li staġun ta’ aktar minn xahrejn tqassar għal 20 nofstanhar u t-32 speċi kkaċċjati fir-rebbiegħa, tnaqqsu għal tnejn.
Saħqet li tissiġġilla dan kollu s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-2009 li kkonfermat id-dritt ta’ Malta li tapplika deroga fuq bażi ta’ raġunijiet validi ħafna.
Kathleen Grima qalet ukoll li, li ma jsemmux tal-LE meta jbeżżgħu lin-nies hu li l-kaċċa fir-rebbiegħa ssir biss għal 8% mir-rebbiegħa kollha u ma jsemmux lanqas li l-kaċċatur hu parti mill-pubbliku.

Reazzjoni SHout
Fi stqarrija SHout qalu li kaċċaturi madwar l-Ewropa qed jaħdmu fuq proġett biex isalvaw il-gamiem meta l-kaċċaturi f’Malta qed jiġġieldu biex jisparaw fuqhom.
SHout isostnu li l-gamiem naqsu bi kważi 80% fi 30 sena u għalhekk il-FACE, li hija l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni, qed taħdem mal-Birdlife fuq proġett ta’ tliet snin biex isalvaw il-gamiem.