Għażla akbar għall-persuni fl-Iskema Coeliac

Żdiedet lista ġdida ta’ prodotti fl-Iskema Coeliac, skema li fiha prodotti mingħajr glutina naturali għal dawk il-persuni li huma allerġiċi għal dan l-ingredjent.
Il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, qal fi stqarrija li bl-iskema kif inhi llum il-klijenti għandhom id-dritt jagħżlu huma t-tip ta’ prodotti u ditti li jixtiequ u jħallsu għalihom b’vawċer li jingħata mill-Gvern.
L-iskema ddaħħlet fl-2015 flok sistema oħra li kellha għażla limitata ta’ prodotti u ditti, kif ukoll min kien qed jibbenefika minnha kellu jmur jiġbor il-prodotti miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara.
Sal-lum hemm 1,328 pazjent irreġistrat fl-Iskema Coeliac, u 54 operatur ekonomiku, minn spiżeriji sa supermarkets.
Fearne irrimarka li minn Frar ta’ sentejn ilu, il-Gvern nefaq €1.3 miljun sabiex tittaffa l-ispiża tal-persuni coeliac li jkollhom jixtru prodotti apposta għalihom, u li jkunu ferm ogħla mill-prodotti l-oħra.
Il-glutina tinsab fi prodotti bħall-ħobż, gfost oħrajn.