Għażiż Bernard

Nhar is-Sibt 26 ta’ Settembru kelli l-unur li norganizza t-tesserati u xi wħud oħrajn mill-villaġġ tal-Għasri biex jilqgħu t-talba tiegħek li jiltaqgħu miegħek. U ġew u anke morna f’terazzin fejn anzjana ta’ 94 sena, li laqgħetek flimkien mal-familja tagħha. Fil-verità l-maġġoranża ta’ dawk li ltqajt magħhom kienu diġà wettqu dmirhom billi vvutaw favur bidu ġdid għall-Partit Nazzjonalista. Smajna l-kelmtejn tiegħek u għamiltilna kuraġġ kif naf li int ħassejtek ukoll xprunat biex issegwi l-missjoni li dħalt għaliha.                                            

Is-Sibt b’maġġoranża impressjonanti sirt il-Kap il-ġdid tal-PN. Nitkellem għal Għawdex, ma kellna l-anqas dubju li int kont se tkun l-għażla tagħhom. Fil-ftit minuti li kellimtni ħadt pjaċir li għedtli li int qrajt diversi minn dawn l-ittri li qed nikteb ta’ spiss fuq dan il-portal. Jiena għedtlek li se nkompli flimkien ma’ wieħed minn sħabi nżommok infurmat bix-xewqat, l-ansjetajiet, bl-aspirazzjonijiet u bil-fehmiet ta’ diversi persuni li jafdawni bħala kelliem għalihom.

Missjoni iebsa

Dħalt għal missjoni iebsa. Iżda fil-ftit sigħat li ilek Kap diġà wrejt lill-poplu Malti u Għawdxi li int ippreparajt ruħek biex tibda taħdem sa mil-lum. U hekk għamilt. Il-pjani li semmejt dalgħodu huma xhieda ta’ dan. Mingħajr partit magħqud u organizzat ma tistax tirnexxi. Bdejt tgħaqqad lill-Partit diġà u bħalma għedt int m’għandniex ħin x’nitilfu. U għalhekk se nibda nikkomunika miegħek illum pubblikament iżda meta hemm bżonn privatament ukoll.

L-istedina ta’ Robert Abela

Nixtieq li sehmi nagħtih iżda bħalma taf int fl-età ta’ 80 sena ma nistax nagħmel dak li nixtieq iżda dak li jiddetta l-ġisem. Mela ħa nibda nagħti s-sehem li nista’ mingħajr l-ebda skariġġ. Il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela għamillek stedina biex tiltaqa’ miegħu fiċ-Ċentru Laburista. Jekk u meta ssir din il-laqgħa għamilha ċara lilu li qabel ma jkun hawn ġustizzja mal-assassinata Daphne Caruana Galizia mhux se jkollna pajjiż seren. Trid tgħidlu b’mod mill-aktar ċar li l-inkjesta dwar Daphne trid tkompli xogħolha mingħajr ebda ndħil minn naħa tiegħu u li jekk hemm bżonn li xhieda li diġà xehdu jerġgħu jissejħu, għax ġew imgiddba minn xhieda oħrajn, sewwa wkoll. B’hekk biss tista’ toħroġ il-verità kollha. Qatt ma nistgħu nibżgħu mill-verità jekk m’għandniex x’naħbu. Dalgħodu Abela kkritikak għax int kont parti mis-soċjetà ċivili li ġabet il-waqgħa ta’ Muscat, Konrad Mizzi u Schembri u tal-Avukat Ġenerali. Urih li inti kburi bil-bidliet li seħħew u għadhom iseħħu għax is-soċjetà ċivili tkellmet fuq li tkellmet.

Direct orders bil-miljuni

Dalgħodu kellmuni żewġ anzjani u qaluli biex inwassallek messaġġ dwar l-iskandli li qed iseħħu fl-għoti tat-tenders b’direct orders. Il-partit irid jieħu pożizzjoni soda dwar dan. Kif l-istess nies, x’uħud minnhom b’dell kriminali, jieħdu direct orders bil-miljuni. L-awdituri jitkellmu u ma jinbidel xejn. Kun iebes fuq dan il-punt, għax naf li hemm tgergir fost il-Laburisti stess li huma diżgustati f’dak li qed iseħħ. Itlob li l-level playing field trid tibda mil-lum. U semmi kif Robert Abela b’kuntratti u direct orders kien ħa mingħand Muscat €630,000 taħt diversi kapep ta’ xogħol u li l-bilanċ bankarju ta’ Abela minn €247,135 fl-2018 tela’ għal €534,000 fl-2020. Tinsiex issemmi wkoll u staqsi x’se jsir mill-miljuni li ngħataw lil Nexia BT minn diversi korporazzjonijiet.

Il-Ħadd filgħodu wkoll dehret ittra fit-Times miktuba minn Joseph Attard minn Ħ’Attard. Kiteb dwar kif il-propoganda li l-poplu jista’ jinqeda billi jikkuntattja lil One Stop Shop ma taħdmix għal kulħadd. Lill-koppja Attard, it-tnejn fuq it-80 sena, qalulhom li jridu jmorru personalment fiċ-Ċentru tas-Saħħa r-Rabat biex jirċievu mediċina b’xejn li kitbilhom it-tabib. Spiċċaw li kellhom iħallsu għaliha huma. Dawn huma persuni li int Bernard trid tilħaq u tisma’ l-istorja tagħhom. Ibgħat lil wieħed mid-deputati tagħna jkellimhom.

Iżda fit-Times ukoll deher artiklu inkwetanti ħafna dwar in-nuqqas ta’ dinjità tal-vittmi tal-Covid 19. Mhux biss qed jindifnu b’għaġġla sfrenata, iżda l-qraba tagħhom u dan smajtu minn għand l-imġarrba stess, għax ma jistgħux jieħdu l-karrozzi tagħhom viċin is-sit tad-difna, qed jintalbu ħlas biex jitwasslu hemm u jkunu wkoll iċċarġjati jekk jitfgħu fjuri fil-qabar tal-għeżież tagħhom. Qabbad li xi ħadd jivverifika x’qed isir fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata. 

L-aħħar punt. Is-Sindki huma rappreżentanti tal-poplu. Ara li s-Sindki ta’ Kunsilli b’maġġoranża Nazzjonalista jsibu posthom fl-Amministrazzjoni tiegħek. B’hekk ikollok għejjun ta’ tagħrif dwar il-bżonnijiet tal-poplu tagħna. 

Nixtieqlek il-barka ta’ Alla u terġa’ tisma’ mingħandi fil-ġranet li ġejjin.

Minn Salvu Felice-Pace