Baqa’ għaxar xhur sal-finali tal-Eurovision Song Contest 2015

Għadu kemm tħabbar li s-serata finali tas-sittin edizzjoni tal-Eurovision Song Contest se ssir nhar is-Sibt 23 ta'  Mejju 2015. Is-serati semifinali se jsiru t-Tlieta 19 ta' Mejju u l-Ħamis 21 ta' Mejju.
Fatt kurjuż marbut man-numri huwa li apparti li għaddew 48 sena mindu l-Awstrija rebħet il-festival għall-ewwel darba fl-1966, din se tkun ukoll it-48 darba li l-Awstrija se tieħu sehem fil-festival.
S'issa għadu mhux magħruf fejn se jsir il-festival. Fil-bidu kienu tmien lokalitajiet fl-Awstrija li xtaqu li jorganizzaw il-Festival. Wara skrutinju qawwi mill-istazzjon nazzjonali Awstrijakk l-ORF, baqgħu biss jissemmew tliet lokalitajiet. Dawn huma l-belt kapitali Vienna, Graz u Innsbruck.   
Is-segwaċi tal-festival xtaqu li jsir f' Salzburg.  Dan minħabba l-ġmiel tal-post li fih twieled il-kompożitur Mozart. Ftit ilu pero, is-sindku tal-lokal xejjen it-tama tas-segwaċi tal-festival peress li qal li f'Salzburg aktar isiru kunċerti klassiċi milli kunċerti tat-tip tal-Eurovision Song Contest.
U mill-Awstrija ukoll, minkejja li għad baqa' eżatt għaxar xhur sas-serata finali, qed tiġri d-diċerija li diġa hemm il-preżentatriċi magħżula biex tippreżenta l-festival tal-sena 2015.  L-għajdut jipponta lejn Conchita Wurst, ir-rebbieħa tal-Eurovision 2014 li ftit minuti wara r-rebħa mill-ewwel wriet ix-xewqa li tkun hi li tippreżenta l-festival f'pajjiżha. S'issa din l-aħbar pero' għadha ma ġietx ikkonfermata.