Għaxar persuni mressqa l-qorti fuq moħqrija tal-annimali

Għaxar persuni tressqu l-qorti fuq akkużi marbuta ma’ moħqrija jew trattament mhux xieraq ta’ annimali fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, jew medja ta’ persuna kull tlett ġimgħat.
Dan joħroġ minn tweġiba parlamentari tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela għall-mistoqsija tad-Deputat Parlamentari Mario Galea.
Is-sena li għaddiet, in-numru ta’ persuni mtela l-qorti kien ta’ 13-il persuna.
Tmienja mit-23 persuna inkwistjoni nstabu ħatja. Tlieta ma nstabux ħatja mill-qorti tal-ewwel istanza waqt li l-Pulizzija tal-Administrative Law Enforcement irtirat il-proċeduri fir-rigward ta’ persuna oħra. Il-nqija tal-każi jinsabu sub judice.
Fil-maġġoranza tal-każi l-allegat infrazzjoni kienet fir-rigward ta’ moħqrija jew trattament mhux xieraq ta’ kliem jew qtates. Fl-istess ħin persuna nstabet ħatja u weħlet multa ta’ Ewro 5,000  dwar każ ta’ moħqrija ta’ ħnieżer – każ li seħħ fi Frar 2014. Persuna nstabet ħatja u weħlet sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin u s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan dwar moħqrija ta’ żiemel.