Għax tibża’ mil-labar spiċċat tagħmel trapjant tal-frixa

Għall-ewwel darba fl-istorja medika, trapjant tal-frixa ingħata lill-mara minħabba li kienet tibża' ħafna mil-labar u ma kienx hemm soluzzjoni oħra biex tieħu l-kura li kellha bżonn.
Għall-Ingliża, Sue York, li ilha tbati mid-dijabete tal-ewwel tip minn mindu kellha seba' snin, it-titqib bl-insulina kien iġiegħelha titriegħed u taqla’, minkejja t-terapiji li ħadet biex tegħleb dan kollu.
Fl-2012, il-biża’ ta’ Sue laħqet punt kritiku meta nbidlet il-liġi tas-sewqan għal min ibati miz-zokkor. Wieħed kien obbligat li jiċċekkja l-livell taz-zokkor billi jittaqqab kemm qabel ma jsuq u darba kull sagħtejn waqt is-sewqan.  F’dan il-mument, Sue kienet se tieqaf issuq iżda ġisimha kien dgħajjef wisq biex jimxi distanzi twal, apparti li dan kien se jorbotha biex tingħalaq id-dar.
Kien hemm diversi mistoqsijiet dwar il-ħtieġa li jkun hemm trapjant għax il-mara ma kinitx tbati minn kumplikazzjonijiet fil-kliewi. Barra minn hekk, kien hemm inċertezza kbira jekk il-biża’ mil-labar kienet raġuni valida biżżejjed biex tgħaddi minn operazzjoni kbira.
Permezz ta’ din l-operazzjoni, it-tobba tennew li għomor Sue rdoppja.
Sue espremiet li issa m’għadhiex tittrateni biex titla’ t-taraġ, m’għadhiex taqta’ nifisha minħabba r-riħ, il-ġilda ħadet il-kulur u m’għadhiex tħossha għajjiena.
B’ferħ kbir qalet li issa se tixtri nuċċali tal-vista ġdid għax il-vista marret għall-aħjar u issa qed terġa’ tħoss saqajha wkoll.
Sue tenniet li “ma nafx min hu d-donatur, iżda nirringrazzja lilu u lil familtu minn qiegħ qalbi.”