“Għax mara qalli ‘you don’t belong here’; illum irnexxejt”

Christine Buttigieg Tanti hija żagħżugħa li taħdem bħala Aircraft Maintenance Technician mal-kumpanija Lufthansa Technik. Christine ġiet intervistata fl-edizzjoni tal-Ħamis ta’ 103 Breakfast, hekk kif fl-Istati Uniti tiġi mfakkra “Introduce a Girl to Engineering Day”. Dan huwa jum li hu intenzjonat li jippromwovi karrieri li tradizzjonalment kienu jkunu assoċjati mal-irġiel milli man-nisa.

Hija fakkret li kienet applikat għall-kors ta’ Aircraft Maintenance Technician mal-MCAST fl-2005. Dan il-kors kien għadu jibda dak iż-żmien, biex jibda jipprepara żgħażagħ għall-karriera fl-industrija tas-servizzi u manutenzjoni tal-ajruplani.

Christine irrakkontat kif kienet bdiet l-apprentistat ma’ Lufthansa Technik. B’kollox kien hemm tliet tfajliet u 17-il ġuvni f’dan il-kors. “Din il-karriera bħall-inġinerija, kienet ‘a men’s world’, karriera li tattira l-iktar l-irġiel. Madankollu Christine segwiet dak li dejjem kien jogħġobha hek kif stqarret li minn ta’ età żgħira kien jogħġobha dan ix-xogħol.

Hija spjegat li fl-2005, kellha bżonn ikollha rieda kbira biex tasal minħabba l-preġudizzji li kienu jeżistu. Biex tirrifletti l-preġudizzju li kien jeżisti għar-rwolijiet tradizzjonalment assoċċjati mal-irġiel bħall-qasam tal-manutenzjoni tal-ajruplani, Christine qalet lis-semmiegħa kif instructor barrani, bħala merħba kien qalilha “you don’t belong here” (hawn mhux postok).

Christine qalet li sfidat dak il-kliem għax temmen li “where there’s a will there’s a way u rajt dan il-kliem bħala sfida u ħdimt biex nasal.”

Minn meta bdiet f’din il-karriera, 15-il sena ilu sal-lum, Christine evolviet u filwaqt li l-bidu kien iebes, studjat u investiet fil-karriera tagħha. Bdiet taħdem fuq il-maintenance u l-production floor tal-kumpanija, u kompliet tikber f’dak li tagħmel, fejn illum hija Quality Executive u tiċċertifika il-ħidma li ssir skond kif tkun ippjanata mill-Inġiniera.

Hija saħqet li fadal xi jsir, tant li ġieli jkun hemm min ma jaċċettax il-fatt li hi, għax mara, se tkun qed tiċċertifka x-xogħol u l-ħidma ta’ oħrajn, madanakollu inkoraġġiet lil bniet u t-tfajliet jħarsu b’mod pożittiv għal dawn il-karrieri, ma jaqtgħux qalbhom u jkollhom sens ta’ kburija għal kull xogħol li jagħmlu. “Is-sens ta’ sodisfazzjon li nara, meta tara ajruplan li tkun ħdimt fuqu jtir, huwa kbir”. L-importanti li jkun hemm passjoni u attenzjoni massima għal kull pass u xogħol li tagħmel.

Segwi l-intervista hawn