“Għax bit-trakkijiet, jitilgħu fuq il-vapur qabilna”

Ħaddiema Għawdxin li ta’ kull filgħodu jaqsmu l-fliegu biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom, qalu ma’ Newsbook.com.mt, li ta’ sikwit jibqgħu l-art “għax x’ħin ifettlilhom tal-Gozo Channel iqabbżu t-trakkijiet.”
Dawn il-ħaddiema, fosthom għalliema, spjegaw li jinżlu Malta minn Għawdex mal-vapur tas-7.30am u li mhux l-ewwel darba li jkunu fil-kju qabel it-trakkijiet, iżda xorta dawn jitilgħu qabilhom. Żiedu jgħidu li minbarra t-trakkijiet jitqabbżu wkoll xi persuni li jgħidu li sejrin l-isptar. Madanakollu spjegaw kif meta ntalbu biex juru l-karta tal-isptar, din ma dehret imkien.
Kien hemmhekk li dawn pruvaw jitkellmu mal-ħaddiema tal-Gozo Channel biex jitilgħu qabel l-oħrajn għax kien imisshom huma. Iżda qalu li ħadd ma ta kashom u qalulhom biex jekk iridu jmorru jirrappurtaw. Spjegaw li dan kollu jwassal biex jaslu tard għax-xogħol bil-konsegwenza li jinqatalhom mill-ispecial leave tagħhom.
Newsbook.com.mt ħa l-kummenti taċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina, li spjega li meta jiġri hekk, l-istess trakkijiet ma jkunux ittellgħu mal-vjaġġ ta’ qabel, biex tingħata prijorità lill-vetturi privati. Żied jgħid li għaldaqstant dawn it-trakkijiet ma jkunux qed jaqbżu lil dawk li jkunu fil-kju. Spjega wkoll kif trakkijiet bħal dawk li jġorru l-ħalib bejn iż-żewġ gżejjer, jingħataw prijorità u jitilgħu fuq il-vapur mill-ewwel.
Il-ħaddiema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ħasbu “li l-priority boarding bdiet diġà, imma x’ħin staqsejna lil tal-Gozo Channel qalulna li għadha ma bdietx. Kien hemm min saħansitra qal li mhux se ssir.” Waħda mill-ħaddiema qalet li anke għal din ir-raġuni biss, hi u sħabha ma jaqblux li tidħol fis-seħħ is-sistema tal-priority boarding, għax l-Għawdxin li jaqsmu kuljum bil-karozza se jbatu.
F’nofs Ġunju li għadda, Newsbook.com.mt kien infurmat li kien qed isir ittestjar fuq is-sistema li se tkun qed tħaddem il-priority boarding.