Għax aħna ta’ Kristu rridu nkunu lesti li jattakkawna

Il-Kardinal Luis Antonio Tagle qed jagħti l-pusses lil Fr Edgar Tubio bħala Rettur tal-Bażilika ta’ San Sebastjan, f’Manila

“Jekk tħobbu lil Kristu ħafna nies se jobogħdukom.” Din it-twissija għamilha l-Kardinal Luis Antonio Tagle ta’ Manila, fil-Filippini fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu.

Waqt quddiesa fil-Bażilika minuri ta’ San Sebastian f’Manila, il-Kardinal enfasizza li t-triq li twassal għand Kristu mhix faċli, speċjalment f’dawn iż-żminijiet meta “Alla għandu ħafna kompetizzjoni.”

“Kultant dawk li jippretendu li huma xi alla jidhru sbieħ u attraenti mal-oħrajn u jirbħu aktar segwaċi minn Kristu,” qal il-Kardinal Tagle.

Minkejja l-attakki fuq il-Knisja, il-Kattoliċi m’għandhomx għalfejn jindaħlu f’xi ġlieda sempliċement biex ipattuha. “Ma għandniex għalfejn nidħlu fi ġlied u mhux l-iskop tagħna li nagħmlu dan, imma rridu nkunu lesti għax se niġu attakkati għax aħna għal Kristu,” qal Tagle.

Skont il-Kardinal dawk li jsegwu xi alla falz huma mogħmija minn wegħdi li jqarrqu. “Jekk timxi wara Kristu, hemm ħafna slaleb li trid iġġorr… filwaqt li jekk isegwi alla falz is-slaleb jitwarrbu u jkollok biss wegħdi u toroq foloz,” żied jgħid il-Kardinal ta’ Manila.