Awdjo: Għawwiem Malti jieħu sehem f’kampjonat Ewropew

L-Għawwiem Malti Roberto Demicoli se jkun qed jieħu sehem fl-Arena European Masters Swimming Championships li qed isiru bħalissa fl-Olanda bil-Belt ta’ Eindhoven.

Newsbook.com.mt tkellem ma' Euchar Camilleri, s-Segretarju Ġenerali tal-Klabb Sportiv ta’ Birkirkara St.Joseph, li tiegħu Robert Demicoli huwa membru. Camilleri saħaq li l-Klabb St.Joseph huwa l-uniku klabb sportiv f’Malta li jorganizza kompetizzjonijiet tal-għawm fil-baħar. L-istess klabb jorganizza l-kampjonat nazzjonali tal-għawm fil-baħar kif ukoll kompetizzjonijiet tal-għawm bejn Malta u Għawdex.

Camilleri spjega kif Roberto Demicoli din is-sena ġie t-tieni fil-kampjonat nazzjonali u t-tielet fit-tellieqa ta’ 11-il kilometru minn Malta għal Għawdex u lura. Demicoli kien ukoll wieħed minn 6 għawwiema li s-sena l-oħra għam madwar il-kosta Għawdxija għal 14-il siegħa. Għaldaqstant Demicoli huwa l-ewwel fil-klassifika ġenerali tal-klabb u kien għalhekk li ntgħażel hu biex jipparteċipa fil-kampjonat Ewropew tal-Masters.

Minkejja li waqt il-kampjonat ikun hemm għawm ta’ kull tip, Demicoli se jkun qed jieħu sehem fil-kompetizzjoni tal-għawm tal-baħar li tikkonsisti f’tiġrija ta’ 3 kilometri. Din se ssir nhar is-Sibt 7 ta’ Settembru.