Għawġ biss

Fl-episodju tal-lum it-Tlieta ta’ It-Tmien Nota li jixxandar fuq TVM fit-3pm, naraw lil Bella tiġi f’tagħha u toħroġ ma’ Leo li joffrilha biex iwassalha d-dar hu.  Wara li jwassalha d-dar tistiednu jidħol jieħu kafè għandha u sakemm ikun id-dar għandha naraw lil xi ħadd riesaq lejn il-karozza tiegħu, jidħol fiha u jagħmel xi ħaġa.

Sadattant Bella u Leo jkomplu jitkellmu u jgħidilha li dik il-lejla mar għand is-Sinjura Bonnici għax din qaltlu li se jkun hemm hi u peress li kellu kuntatti ma’ aġenziji ta’ talent barra minn Malta u li seta’ jkunilha ta’ għajnuna biex tavvanza fil-karriera.

Meta joħroġ u jkun qed isuq sejjer lejn daru jsib li kienu marrulu l-brejkijiet u jkun f’periklu li jispiċċa ħażin.

L-ghada filgħodu jasal Manfred għand Bella u jinfurmaha li matul il-lejl kien hemm inċident ikrah tat-traffiku. Kien imdaħħal fih xi ħadd li kien għand is-Sinjura Bonnici l-lejl ta’ qabel. Bella jiġiha suspett u tibda taħseb li kien Leo. Meta tikkonferma li kien hu  tibda tippanikja għax tagħraf li dak li ċemplilha kien qiegħed iwettaq dak li kien qalilha u li kellu għajnejh fuqha l-ħin kollu. Titlob lil Manfred biex joqgħod attent. Taqbad u tmur l-isptar biex tara lill-korrut.

Fl-isptar Bella tara l-kundizzjoni ħażina li jkun jinsab fiha Leo. Tkompli taħseb li hija titfa’ s-saħta fuq l-irġiel kollha li ssir taf. Leo jibqa’ lanqas jaf li ġiet iżżuru. Kif tkun ħierġa mis-sala tara dieħla lil Nora. Bella tmur iżżur lil Angela u titkellem magħha dwar dak li jkun għadda mal-lejl u dwar li Leo kien qalilha li seta’ jgħinha fil-karriera tagħha.

Is-sensiela, li oriġinarjament ixxandret fl-2008, għandha kitba ta’ Joseph A Cachia bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv. Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.