Għawdxi mmultat €2,500 talli tratta ħażin il-klieb tiegħu

Stock image

Read in English.

Għawdxi ta’ 39 sena miż-Żebbuġ ġie mmultat €2,500 wara li nstab ħati li abbuża u tratta ħażin l-klieb tiegħu. Il-każ imur lura għal April tas-sena li għaddiet.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, semgħet kif l-annimali kienu qed jinżammu f’garaxx f’gaġeġ żgħar viċin ir-residenza tal-akkużat, fi Triq Lampuka, iż-Żebbug.

Huwa kien akkużat li :

  • Ġiegħel annimal isofri uġiegh, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn;
  • Naqas li jkun responsabbli għat-trattament xieraq tagħhom;
  • Naqas li jieħu dawk il-passi raġonevoli sabiex jiżgura li l-ħtiġijiet ta’ annimal/i jintlaħqu;
  • Żamm kelb/klieb t’erba’ xhur jew aktar mingħajr liċenzja;
  • Żamm kelb/klieb fi spazju limitat li huwa permess biss f’kumpartament adekwat.

Il-Maġistrat sab lir-raġel ħati tal-akkużi.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Mifsud żamm pożizzjoni iebsa kontra l-moħqrija tal-annimali billi qal li persuna tista’ ġġiegħel lil annimal ibatu fiżikament u mentalment ukoll. Sostna li persuna jista’ jabbuża minn annimal mhux biss billi ma titmagħhiex jew tabbanduna, iżda wkoll jekk ma titmagħhiex sewwa jew ma jkollomx biżżejjed ikel.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.