Għawdxi jirbaħ kompetizzjoni Ewropea fil-Latvija

Anthony Galea se jkun qed jirrappreżenta lill-Ewropa u lil Malta fil-JCI World Public Speaking Championships 2018 li se ssir f’Goa, l-Indja.

Galea għandu 31 sena u huwa xjentist u riċerkatur fl-Università ta’ Malta. Lura f’Marzu, huwa ntgħażel sabiex jirrappreżenta lill-pajjiżna fl-Ewropa.

Id-diskorsi li wassluh għar-rebħa tal-kompetizzjoni li seħħet waqt il-konferenza annwali Ewropea tal-Junior Chamber International (JCI) f’Riga fil-Latvia, kienu ffukati fuq il-mod kif żgħażagħ jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex isalvaw l-ambjent.

Galea rnexxielu jimpressjona l-udjenza u l-ġurija bl-użu ta’ kanun ċkejken magħmul minnu stess li uża sabiex juri kif wieħed jista’ jwassal għall-ivjaġġar tal-ajru b’mod aktar sostenibbli.

Għall-finali tal-kompetizzjoni, Galea tkellem dwar kif l-oċeani madwar id-dinja kollha qed isofru minn invażjoni tal-plastik.

Din kienet l-ewwel darba li Malta rebħet il-European Public Speaking Championship u l-ewwel darba li Malta se tkun qed tikkompeti fuq livell dinji.

F’Riga, Malta ġiet rappreżentata wkoll għall-ewwel darba fil-European JCI Debating Championship. It-tim kien magħmul minn Rachel Cassar, Nicole Borg u Christoph Schwaiger li ġie propju fit-tieni post.