Għawdex: F’każ ta’ suspettati bl-Ebola, il-qraba jridu jibqgħu ġewwa bl-għassa

Pazjenti Għawdxin suspettati li jkunu infettati bil-virus tal-Ebola, se jinżammu Għawdex temporanjament.
Sorsi qrib l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex spjegaw ma’ Newsbook.com.mt, il-proċeduri li għandhom jiġi segwiti f’każ li jkun hemm każ suspett ta’ Ebola. Żiedu jgħidu li wara li jsiru l-verifiki meħtieġa, il-pazjent jiġi trasferit lejn Malta permezz ta’ ambulanza u tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Infurmati wkoll li jekk pazjent iċempel mid-dar u jkun suspettat li għandu l-virus tal-Ebola, se jiġi ordnat jinżamm id-dar. Dan sakemm ambulanza u tim mediku mill-Isptar Mater Dei jiġbruh mid-dar u jeħduh Malta.  Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qed jesiġi li mid-dar tal-pazjent suspettat, ħadd ma jitħalla joħroġ u d-dar se tkun issorveljata mill-Pulizija jew minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Sadanittant, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed isir taħriġ kuljum lit-tobba, lill-infermiera u lin-nursing aides mid-Dipartiment tal-Emerġenza, kif ukoll lil dawk li jakkumpanjaw lill-pazjent fl-ambulanzi. It-taħriġ qed jiffoka l-iktar fuq kif għandhom jilbsu u jinżgħu l-ilbies protettiv. 
Il-hoods li kellhom jaslu Għawdex ilbieraħ jinsabu Malta u mistennija jkunu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minn ħin għall-ieħor.  Barra minn hekk, huwa ppjanat li jsir eżerċizzju bi prova f’qasir żmien.