Għawdex prijorità għall-Gvern Laburista

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li Għawdex hu prijorità għall-Gvern Laburista u jixhed dan, in-numru ta’ proġetti li huma maħsuba għal din il-gżira. 
Waqt li kien qed jindirizza l-għeluq tal-Kungress Reġjonali tal-Partit Laburista, bit-tema “Għawdex: Prijorità”, Joseph Muscat tkellem dwar il-pjanijiet li l-Gvern għandu biex Għawdex isir aktar aċċessibbli. 
Fost il-proġetti li bħalissa qed jiġu diskussi, hemm il-bini tal-pont bejn Malta u Għawdex, il-cable tal-fibre optic bejn iż-żewġ gżejjer, kif ukoll il-possibilitá ta’ airstrip.
Il-Prim Ministru, qal ukoll li hekk kif għalqet is-sejħa għall-proposti dwar it-terminal għall-cruise liner, issa se jiġu evalwati r-riperkussjonijiet soċjali.
Joseph Muscat, elenka numru ta’ fatturi li jirriflettu l-ħidma li qed issir f’Għawdex.  Fost dawn, saret referenza għal-film li qed jinħadem minn żewġ atturi rinomati. 
Dwar l-edukazzjoni, l-Prim Ministru qal li qed titwaqqaf skola medika internazzjonali f’Għawdex.  Semma kif fl-iskejjel sekondarji tal-istat, qed terġa’ tingħata l-għażla tal-accounts għaliex hemm domanda kbira għal nies b’din il-professjoni f’Għawdex.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar l-Oppożizzjoni.  Qal li din tinsab f’paniku għaliex f’Marzu li għadda raħsu l-kontijiet għall-familjil u f’Marzu li ġej ser jorħsu għan-negozji.  Żied jgħid li l-Oppożizzjoni ma qabditx art fis-settur tal-enerġija, iżda min-naħa l-oħra, l-Gvern ser iżomm mal-wegħdi tiegħu u jkabbar l-ekonomija.