​Għawdex miksi bl-imħabba

Għall-okkażjoni ta’ jum San Valentinu, Għawdex se jkun qed jieħu xejra differenti, hekk kif il-ġonna ta’ Villa Rundle se jingħataw dehra fuq it-tema tal-imħabba bejn it-3 u t-18 ta’ Frar.
Se jkun hemm suq ta’ prodotti artiġjanali relatati mal-festa ta’ Jum San Valentinu fit-tmiem il-ġimgħa fl-istess ġonna. Il-pjazez ewlenin tar-Rabat se jkunu mqajma bil-mużika mill-Pusè, Mae, u Keith.
L-istudenti tal-Arti Viżwali u Performattiva f’Għawdex se jtellgħu "Lilek Inħobb", eżebizzjoni, fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella. Filwaqt li diversi artisti se jkunu qed jeżebixxu l-arti tagħhom f’ “Ħabbejtek” fl-istess ċentru.
Fost attivatijiet oħra nsibu l-artista Marina, li se tkun qed twassal messaġġi ta’ mħabba permezz ta’ arti magħmula mill-ġibs fi Pjazza Indipendenza.
Dawn l-attivatijiet huma kollha parti minn #inħobbok, festival li se jsir għall-ewwel darba f’Għawdex b’rabta ma’ Jum San Valentinu.
Dan tħabbar mill-Ministru Għal Għawdex Justyne Caruana.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet hi qalet li permezz ta’ dan il-festival se tinħoloq attività li minnha se jgawdu kemm l-istabbilmenti kummerċjali kif ukoll l-għaqdiet. 

Ritratt: DOI – George Scerri