Għawdex jitlef wieħed mill-aħjar poeti tiegħu

Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Frar 2019, mill-isptar Ġenerali t’Għawdex fejn kien rikoverat għal dawn l-aħħar ftit jiem ħarġet l-aħbar tal-mewt tal-Poeta tal-Assunta John Cremona magħruf aħjar fost ħbiebu u sħabu bħala ‘Ġanninu” – kattoliku konvint, poeta mill-aħjar, attur u drammaturgu li  kont ilni nafu sa minn meta kont għadni tifel buq il-bankijiet tal-Primarja mnejn nibtet ħbiberija qawwija li baqgħet tiżdied sa ma għalaq għajnejh għal din id-dinja.  Għamilna żmien twil fl-Azzjoni Kattolika fil-Fergħa tal-irġiel tar-Rabat; kien maħbub ferm fis-Soċjeta Filarmonika Il Leone fejn għamel żmien twil bħala President. Bla dubju kull min jinzerta fil-Belt Victoria lejn nofs Awwissu ma jistax ma jismax lill-Banda Leone ddoqq u tkanta ‘Għawdex kollu nbidel f’Ġenna’ u ‘Warda sbejħa tar-Rebbiegħa’ li l-Poeta kiteb lill-Assunta fil-festa tagħha.

Ganninu  Cremona  twieled ir-Rabat Għawdex fit-28 ta’ Diċembru 1926.  Huwa studja fl-iskola primarja tal-Gvern u fil-Liċeo t’Għawdex.  Huwa għadda sena kors fis-St. Michael’s Training College u laħaq għalliem fis-sena 1948.  Wara għadd ta’ snin jgħallem fl-iskejjel primarji tal-Gvern f’Malta u Għawdex, huwa għallem ukoll il-Malti u l-Istorja fl-iskola sekondarja tas-subien tar-Rabat Għawdex.  Sa minn ċkunitu Cremona kien attiv fil-qasam soċjali u ħadem għal bosta snin fl-Oratorju Don Bosco fi żmien is-Sależjani u fl-Azzjoni Kattolika . Għamel snin twal attiv ukoll fi ħdan is-Soċjeta’ Leone u għal erba’ snin kien it-Teżorier u għal seba’ snin il-President.  Fl-10 ta’ Gunju 2006 huwa kienn ġie mogħti Ġieħ il-Belt Victoria għall-kontribut li ta fil-qasam tal-kultura Drammatika bħala kittieb u bħala attur, u fil-31 ta’ Awwissu 2007, ingħata Diploma mill-Għaqda Poeti Maltin  u maħtur bħala Membru Onorarju għall-ħidma tiegħu b’risq il-Poeżija.

Meta kien għadu student, Cremona ħass il-ġibda lejn il-Letteratura Maltija. L-iktar li laqtuh kienu l-poeżiji ta’ Dun Karm u tal-Poeta Għawdxi Gorġ Pisani.  Meta kien għad għandu erbatax-il sena, bl-inkoraġġiment u l-għajnuna tas-Sur Pisani, li kien is-Surmast tiegħu tal-Malti fil-Liceo, Cremona rnexxielu jippubblika l-ewwel poeżija tiegħu, “Il-Warda Maltija”, fuq ġurnal li kien joħroġ fi żmien il-Gwerra bl-isem ta’ “Young Malta”.  Din il-poeżija kienet l-ewwel pass  fil-karriera letterarja tas-Sur Cremona, għaliex it-tifħir li qalgħet  sewa ta’ inkuraġġiment kbir għaż-żagħżugħ student.

Iktar ma Cremona kiber u iktar ma beda jimraħ fl-oqsma sbieħ tal-Letteratura Maltija, Taljana u Ingliża, iktar kompliet tikber fih ix-xejra tal-poeżija.  Matul l-aħħar sentejn tal-kors tiegħu fil-Liceo, insibu li kien diġa kiteb numru sabiħ ta’ poeżiji.  Bla dubju llum għandu għadd kbir ta’ poeżiji, wħud minnhom jinsabu fil-ktieb tiegħu Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa,  damma ta’ sebgħa u tletin poeżija minsuġin minn versi ta’ kull xorta li nsibu fil-metrika Maltija.  Uħud minnhom huma poeżiji twal narrattivi, oħrajn sunetti u oħrajn innjiet li ġew immużikati minn diversi kompożituri.  Il-Madonna minn dejjem kienet għajn ta’ ispirazzjoni għall-Poeta Ganninu Cremona, meqjuma fil-Katidral tal-Belt Victoria.  Hekk hu x’qalilha darba f’ittra li kitbilha fl-għodwa tal-ħmistax t’Awwissu ta’ sena minnhom.

Għażiża Sinjura,

Kif int?  Tajba żgur.

Hemm fuq ma jonqsok xejn.

Agħdirni xtaqt niktiblek,

Kif naf dawn il-kelmtejn.

Sabiex nagħtik l-awguri,

F’dal-jum tal-festa tiegħek

B’xewqat ta’ ferħ u mħabba

Ta’ għaqda waħda miegħek.

Bosta poeżiji oħra tiegħu jinsabu fil-ktieb l-ieħor tiegħu Weraq tar-Rand  waqt li salt oħra dehru fuq ġurnali u rivisti lokali u nstemgħu wkoll fuq il-mezzi tax-xandir.  Oħrajn jafu bihom biss il-ħbieb tiegħu tal-qalb, għaliex fl-imgħoddi, kull meta kien jikteb xi poeżija, huwa kien iħobb jaqraha lil ħbiebu, speċjalment lil Dun Franġisk Scicluna (illum ħalliena) li kien dilettant kbir tal-Malti u ħabib ta’ ġewwa ta’ Ganninu Cremona.   Ma rridx ninsa nsemmi l-Ballata li Ganninu kien kiteb dwar l-Assedju t’Għawdex tal-1551 u li kienet ġiet drammatizzata  propju ‘l ġewwa mis-swar taċ-Ċittadella mnejn kienu nġarru lsiera madwar 5000 ruħ.  Dil-ballata li Ganninu kiteb bil-vers tal-għaxra tinsab miġbura fi ktieb  b’Daħla  ta’  Mons Joseph Bezzina u b’Kummenti Analitiċi ta’ Joe Camilleri u mżewqa b’għadd ta’ illustrazzjonijiet tal-Pittur il-Kav Pawlu Camilleri Cauchi.  Il-President tal-Għaqda “Poeti Maltin” is-Sur Alfred Massa, fir-rivista tal-Għaqda “Versi”, kiteb hekk dwar ‘il-Ballata tal-Assedju’ : Jekk toqgħod tifli l-versi ssib li hi xogħol ta’ livell għoli.

Xi kwalita ta’ poeta hu Ganninu Cremona?  Min jaqra xogħlijietu mill-ewwel jinduna li n-Natura kellha qawwa kbira fuqu;  allura nsibu li bosta mill-poeżiji li kiteb matul is-snin huma mlibbsa l-libsa tal-kuluri li bil-fantasija tiegħu seraq mill-veduti oriġinali tal-ħajja u bħal pittur għaqli  poġġihomna fuq it-tila.  Bosta drabi ninnutaw  li dan il-poeta kien isib il-għaxqa u s-serħan tiegħu meta kien ikun waħdu, fis-skiet tal-kampanja  bħalma qalilna f’din is-silta f’waħda mill-poeżiji sbieħ tiegħu.

 

“Saqajn tajba agħtini Mulejja

Biex interraq, nixxabbat l-għoljiet,

Biex nitbiegħed mill-għagħa tal-ħajja

U ngħix hieni  fis-saltna tas-skiet.

 

Ħalli niftaħ għajnejja fil-beraħ

Li jinfirex il-bogħod bla ħitan,

U nitgħaxxaq bil-ħdura madwari

U bis-sema kaħlani, fuqan.

 

Inħobb noħroġ fil-beraħ tal-oqsma

Biex infittex il-paċi u s-sliem

Dik il-paċi moħbija fil-ħlewwa,

F’dak il-kobor u l-ġmiel tal-ħolqien.

 

Kemm hu sbejjaħ tgħix ħieles il-ħajja

Tal-għasafar ġo dinja bla rbit,

Fejn il-ħajja tidħaklek, tgħannilek,

U tnessilek kull ħsieb ta’ taħbit.

 

Lil Ganninu  Cremona nistgħu nsejħulu wkoll poeta drammatiku għaliex tana għadd ta’ poeżiji drammatiċi, mibnija fuq leġġendi li huwa nnifsu ħoloq.  Għal dawn il-poeżiji l-poeta għamel użu minn versi qosra ta’ sitta jew seba’ sillabi.  Fihom tidher il-qawwa tal-kelma u s-saħħa tar-riflessjoni.  Tnejn minn dawn il-poeżiji Il-Papoċċi tal-Madonna  u Il-Mogħdija tal-Ward huma ppubblikati fuq ir-rivista “Leħen is-Sależjani f’Għawdex”, magazine li tiegħu John Cremona stess kien l-editur.  Dawn it-tnejn ukoll kienu ġew imxandra minn fuq ir-Rediffusion matul programm letterarju.  Poeżija oħra, Il-Ħlas tal-Fidwa, li fiha madwar erba’ mitt vers, kienet l-item prinċipali ta’  Serata Letterarja li nżammet fit-Tejatru tal-Opra Aurora fl-1970.  Din l-istess biċċa xogħol, li fiha ħadu sehem tmien persunaġġi, kienet intweriet ukoll  fuq TVM fl-istess sena waqt programm letterarju.

Ganninu  Cremona tana wkoll xogħlijiet sbieħ u ta’ valur letterarju għall-Palk.  Fost l-oħrajn nistgħu nsemmu L-Aħħar Seba’ Kelmiet, kitba simbolika letterarja, li b’suċċess kbir kienet ippreżentata għall-pubbliku Għawdxi fis-sena 1972 fl-istess Tejatru Aurora.

Barra kittieb ta’ xogħlijiet oriġinali, lil Cremona narawh ukoll bħala traduttur ta’ awturi mit-Taljan u mill-Ingliż.  Fost l-aħjar traduzzjonijiet insemmu Il-Kardinal Giovanni De Medici u Il Fornaretto di Venezia. Mill-Ingliż huwa kien qaleb il-kummiedja famuża tal-Moliere School for Husbands. Ganninu qaleb ukoll għall-Malti l-Operetta “The Michado” ta’ Gilbert and Sullivan, sew il-proża kemm il-lirika, li kienet imtellgħa fit-Tejatru tal-Opra Aurora taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Sammut.  Xogħol oriġinali ieħor ta’ Ganninu huwa l-Musical “Scrooge”, mużika ta’ Mro Colin Attard u l-Musical f’ġieħ Santa Marija 1956 b’mużika ta’ Mro Paul Abela.

Il-pinna ta’ Cremona ma naqsitx li tħarbex ukoll xi novelli minbarra artikli għal fuq magazines, editorjali u kitbiet oħra.  Sabiex nagħlqu dan it-tagħrif  dwar l-awtur Ganninu Cremona, aħna għażilna li nagħtukom silta qasira minn waħda min-novelli tiegħu li jisimha It-Tfajla tal-Melħ. Din tirrakkonta storja ta’ mħabba,  miktuba fuq sfond lokali, li tiġri f’wieħed mill-irħula t’Għawdex.  Jiena ċert li dak li ser taqraw jogħġobkom.

…………..Il-kuntistabbli tal-Għassa kien jinżel bil-mixi mill-Munxar u jagħmel l-għassa tiegħu mit-Torri tax-Xlendi.  Meta x-xemx titbaxxa ma’ wiċċ il-baħar, hu kien jerġa’ lura lejn il-Munxar, jinġabar f’daru.  Sewwa sew taħt dak it-torri, imperreċ donnu fuq ilsien blat quddiem il-plajja, hemm mifruxa għadd kbir ta’ salini jew għadajjar tal-melħ. Kull meta s-sema jkun safi u x-xemx tkun tisreġ fuq baħar tal-ħġieġ, kont tilmaħ fuq dik is-sikka tat-torri, kif jgħidulha, tfajla smajra, lewn id-deheb xuxitha, bil-barmil fidha, iddur ‘l hawn u ‘l hemm, troxx l-ilma.  Raġel xwejjaħ, xagħru bħal qoton, kont tarah ma’ ġenbha bilqegħda fuq xi blata, idaħħan pipa twila tal-qasab.  Dawn kienu missier u bint, Xmun u Marija.       

Kav. Joe M. Attard