Għawdex tilef wieħed mill-istoriċi u r-riċerkaturi ewlenin, Anton F. Attard fl-età ta’ 75 sena.
Attard twieled fir-Rabat Għawdex fl-14 ta’ Frar fl-1943.
Ippubblika l-ewwel poeżija tiegħu fil-21 ta’ Marzu tal-1959 bl-isem ta’ Aħjar Bqajt Żgħir meta kellu biss 16-il sena.
Attard kien jikkontribwixxi bis-sħiħ ukoll mal-midja lokali, kemm permezz tar-radju kif ukoll permezz tat-televiżjoni fejn kien jiddiskuti bosta suġġetti kulturali.
Huwa magħruf ukoll għat-traduzzjonijiet ta’ stejjer folkloristiċi kif ukoll għal-lirika ta’ xi innijiet bħal dak tal-General Workers’ Union, Maqgħudin! u l-innu tal-Għarb.
Hu għamel aktar minn 40 sena jaħdem fis-servizz pubbliku fejn kien irtira fl-età ta’ 60 sena.
#Gozo has lost one of its key historians and researchers. Our thoughts are with the family of Anton F. Attard -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) July 19, 2018
Reazzjoni tal-PL
Il-Partit Laburista (PL) qal li Attard kien persuna b’sens ta’ lealtà lejn pajjiżu tant li serva għal għexieren ta’ snin b’mod mill-aqwa fis-servizz pubbliku. F’dan il-perjodu ħadem ukoll fil-qasam tredjunjonistiku.
Attard involva ruħu fil-politika u kkontesta f’isem il-PL.
Reazzjoni tal-GWU
Il-GWU fi stqarrija qalet li se tibqa’ tfakkru għar-rieda li kellu biex ittejjeb il-ħajja u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Hi wkoll inqgħadqet u sellmet il-memorja tiegħu.
Reazzjoni mill-Ministeru għall-Għawdex
Il-Ministeru għall-Għawdex fi stqarrija qal li Għawdex tilef pilastru u ddeskriva lil Anton F. Attard bħala riċerkatur tal-istorja u kittieb prolifiku. Il-Ministeru saħaq li l-istudji u l-kitbiet ta’ Attard se jibqa’ mfakkar għar-riċerka u l-kitbiet dokumentarji tiegħu.
Reazzjoni tal-Akkademja tal-Malti
L-Akkademja tal-Malti qalet li tfisser is-sogħba għat-telfa ta’ Anton F. Attard li kien imsieħeb għal żmien twil bħala membru fiha. Intqal li ismu jibqa’ marbut mar-riċerka li għamel b’rabta mal-folklor u l-istorja ta’ Għawdex kif ukoll għall-kontribuzzjoni kbira tiegħu b’kitbiet ta’ xeħta reliġjuża u lingwistika.