Għawdex jista’ jkun attrazzjoni għall-investiment barrani – Chris Cardona

Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona qal li l-Gvern qed jaħdem favur il-ħolqien tax-xogħol, it-tnedija ta’ numru ta’ proġetti ġodda għal Għawdex u biex il-gżira titpoġġa fuq il-mappa internazzjonali għall-investituri u t-turisti.
Żied jgħid li Għawdex għandu x’joffri u bil-ħidma tal-Gvern, Għawdex se jkolli l-opportunità biex ikabbar il-potenzjal tiegħu.
Dan qalu waqt it-tieni laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża, li tlaqqa’ fil-Ministeru għal Għawdex u li matulha ġie diskuss il-bżonn li jiġi msaħħaħ ir-rwol ta’ Għawdex fl-ekonomija tal-pajjiż.
Il-Ministru fakkar kif is-sena li għaddiet il-Malta Enterprise ħadmet biex tattira l-investiment lejn Għawdex bħala gżira  b’vantaġġi kompetittivi. Qal li l-artiġjanat Għawdxi ngħata l-importanza wkoll billi ġiet introdotta sistema ta’ ċertifikati sabiex klijent jagħraf li dak li qed jixtri huwa prodott artiġġjanali ġenwin Għawdxi.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li l-ekonomija Għawdxija hija distinta u għaldaqstant hemm bżonn inizjattivi u miżuri li jkunu partikulari għal Għawdex.
Fost il-ħidma tal-Gvern, il-Ministru semma’ l-€50,000 start up credit li qed jingħataw fl-ewwel 3 snin ta’ operat ta’ intrapriża ġdida f’Għawdex. Barra minn hekk fakkar kif intrapriżi żgħar Għawdxin qed jingħataw tax credit ta’ 45% mill-Malta Enterprise tal-ispejjeż li jkunu għamlu.