Għawdex jingħata premju f’Berlin

Għawdex rebaħ il-premju tal-aqwa destinazzjoni sostenibbli fil-Mediterran. Dan il-premju gie mħabbar fil-fiera rinomata tat-turiżmu ITB f’Berlin, il-Ġermanja, u huwa mogħti minn Green Destinations, li hija organizzazzjoni internazzjonali li tippromwovi turiżmu sostenibbli.
Fi stqarrija, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet b’sodisfazzjon dan l-unur internazzjonali għall-gżira Għawdxija.
Waqt il-fiera, b’kollox ġew identifikat 100 destinazzjoni u bi 32 finalist. Eventwalment 10 postijiet ġew rikonoxxuti skont ir-reġjun tagħhom. Għawdex rebaħ il-premju fir-reġjun tal-Mediterran.
Il-Ministeru għal Għawdex qal li l-gżira ġiet finalista għal dan il-premju wara li fl-2017 ġiet inkluża fil-lista ta’ 100 destinazzjoni dinjija li jissoddisfaw kriterji stabbiliti ta’ sostenibbiltà.
Għawdex ikkompeta bħala destinazzjoni li tivvalorizza l-inizjattivi kulturali u l-identità tal-komunitajiet tagħha.
Il-kirterji ta’ dan il-premju huma stabbiliti mill-Kunsill dwar Turiżmu Globali Sostenibbli li huwa rikonoxxut mill-UNWTO, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Turiżmu, u jistabilixxi kriterji internazzjonali dwar turiżmu sostenibbli kemm dwar operat kif ukoll dwar tfassil tal-politika.
Ritratt: MGOZ