Għawdex jiċċelebra jum il-Kanada

Għadd ta’ persuni ċċelebraw l-anniversarju tat-twelid tal-kostituzzjoni tat-tieni l-akbar pajjiż fid-dinja, fil-gżira ċkejkna ta’ Għawdex. Jum il-Kanada ġie mfakkar mill-Canadian Association Gozo.
Waqt din l-attività ġew imfakkra r-rabtiet li nħolqu permezz tal-estensjoni tal-familja lil hinn minn xtutna. Uħud minn dawn il-familji reġgħu lura u daħlu fl-istruttura tal-kultura u l-ekonomija Għawdxija.
Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, indirizzat dawn iċ-ċelebrazzjonijiet flimkien mal-Konslu tal-Kanada f’Ruma.
Waqt l-intervent tagħha, il-Ministru Caruana qalet li huwa importanti li wieħed jiċċelebra l-anniversarju tan-nazzjon tiegħu.  Dan isir aktar importanti meta wieħed jikkomemora din il-ġurnata speċjali ’l bogħod mill-pajjiż li twieled fih, fejn iġib memorji  u sentimenti patrijottiċi ta’ xi jfisser dak il-pajjiż għall-dik il-persuna. Hija awgurat ukoll li l-għaqda li teżisti mal-Kanada tkompli titkattar f’ħafna oqsma u setturi ta’ żvilupp fis-snin li ġejjin.
Ritratt: Terry Camilleri