Għawdex jibqa’ jesperjenza żieda fit-turiżmu

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex qalet li matul is-sena li għaddiet, Għawdex baqa’ jesperjenza żidiet fil-wasliet tat-turisti hekk imqabbla mas-sena ta’ qabel.
Waqt it-18-il laqgħa ġenerali annwali, iċ-Chairman tal-Assoċjazzjoni Paul Scicluna qal li l-awtoritajiet ikkonċernati jeħtieġ li jindirizzaw l-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom is-settur turistiku Għawdxi, b’mod partikolari, it-tisħiħ tal-prodott turistiku, ir-riżorsi umani kif ukoll l-indafa taz-zoni rurali.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li dawn iż-żidiet huma prova ta’ bidla fl-għażla tal-akkomodazzjoni mit-turisti. Madanakollu, qal li l-istaġjonalità se tibqa’ sfida kbira għal Għawdex.
Barra minn hekk, qal li l-Awtorità tat-Turiżmu rċeviet 35 applikazzjoni għal żvilupp f’tipi differenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo saħaq li jeħtieġ tiżdied il-konnettività bejn Malta u Għawdex speċjalment bl-introduzzjoni tas-servizz fast ferry kif ukoll bl-investiment permezz ta’ rabta fibre optic.
Matul din il-laqgħa, ġie ffurmat il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għall-2017.