Għawdex ixxukkjat bil-mewt ta’ Jessica

Nixxiegħa ta’ messaġġi ta’ kondjolanzi u oħrajn bi kliem sabiħ, imlew il-mezzi soċjali fl-aħħar sigħat, biex isellmu lil Jessica Zahra, it-tfajla ta’ 15-il sena miż-Żebbuġ Għawdex, li lbieraħ mietet ħabta u sabta.
Ma’ Newsbook.com.mt, persuni qrib tagħha, iddeskrivewha bħala tfajla li dejjem tagħmel kuraġġ lil dawk madwarha, u li dejjem issibha hemm biex tnissillek tbissima.
“Tfajla li tferrħek bil-preżenza tagħha biss”, qalet ħabiba tagħha.
Skont informazzjoni mhux konfermata li għandu Newsbook.com.mt, Jessica ddaħħlet l-isptar is-Sibt u l-Ħadd irriżulta li l-kliewi u l-fwied ma baqgħux jiffunzjonaw. 
Jessica, it-tielet minn erba’ aħwa, kienet attiva ħafna fiż-żfin u kienet tħobb il-festa. L-aspirazzjoni tagħha kienet li tistudja għal perit.
Ritratt: Facebook: Charlie's Photography