Għawdex għarkopptejh – Kav Joe M Attard

Min qatt kellu ’l Għawdex jgħidlu

Li sa jinżel għarkopptejh

Quddiem dan l-imbierek ‘virus’

U jħallih bla nifs qatigħ!

 

Minn ġoċ-Ċina t-triq qabad

B’ħeffa dar kollha l-ġnus

Ħarbat. werwer, kisser, farrak

U warajna għadu jsus!

 

Ma qagħadx jara intix ħelu,

Sinjur, fqir, twajjeb jew  kburi

Baqa’ dieħel ġewwa djarna

Mhux b’f’idejh xi bukkett fjuri

 

Imma żera’ fost il-popli

Il-mewt xejn bla mistennija

U għadu jnissel biki u dwejjaq

Tgħid meta ser tgħib dis-siegħa!

 

Min hu akbar minni qalli

Qatt ma ra bħal dal-flaġell

Li bis-saħħa illi għandu

Iħott sal-aqwa kastell.

 

Ingħalaqna ġewwa djarna

Il-Knisja mbarrat il-bieb

Spiċċa l-‘business’ u l-iskejjel

U l-laqgħat ta’ bejn il-ħbieb.

 

U l-ekonomija tagħna

Qatt ma batiet daqs illum

U l-affari mċajpra sewwa

Ma nafux kemm sejra ddum!

 

Marru l-baħar kollha l-festi

Tal-Maltin, tagħna l-Għawdxin

Il-Papa se jibqa’ Ruma

U d-dar nibqgħu magħluqin.

 

Tgħid warrabna lill-Imgħallem

U bdilnieh mas-setgħa, il-flus

U nsejna li tad-dinja

Dan bla dubju l-aqwa fus!

 

Dan se jibqa’ l-Missier twajjeb

Li jeħtieġ induru lejh

Nistqarru b’sogħba ħtijietna

U nintelqu dlonk f’idejh!

 

Sabiex naslu malajr għandu

Ejjew infittxu lil Ommu –

Ibqgħu ċerti li nisimgħu

Il-maħfra ħierġa minnn fommu!

 

B’hekk mill-ġdid il-poplu tagħna

Jerġa’ lura għan-normal

Fit-toroq ferħana tilmah,

Għonja, fqar, iż-żgħar, il-kbar.

 

Kav Joe M Attard

Rabat Għawdex

Festa tal-Lunzjata

25 – 03 – 2020