Għawdex għandu Kardinal

Bishop-MArio-Grech

Jiena għandi ħafna ħbieb imma issa nista’ ngħid ukoll li ma’ dawn għandi wkoll ħabib Kardinal imwieled il-Qala u għal ħafna snin għex ġewwa Ta’ Kerċem fejn kien ukoll Kappillan. Għadda ż-żmien u sar Isqof ta’ Għawdex u reċentement il-Papa ħatru bħala s-Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Issa ġie mħabbar li fit-28 ta’ Novembru se jingħata l-ħatra ta’ Kardinal.  Kont qed niekol id-dar mal-familja l-Ħadd 25 ta’ Ottubru waqt li kont qed nisma’ lill-Papa jitkellem u jgħid it-talba ta’ nofsinhar. Eżatt wara bdejt nistaqsi jekk kontx smajt sewwa; Mons. Isqof Mario Grech Kardinal. Kienet aħbar li tant qanqlitni u ferrħitni għax lil dan l-Eminenza tiegħu xi darba għallimtu l-Malti  fuq il-bankijiet tal-Liċeo u bqajna ħbieb u għadna.

Għawdex għandu Kardinal u ċert li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom għax iħossuhom kburin b’din il-ħatra prestiġġjuża fi ħdan il-Knisja Universali. Nifraħlu u nawguralu lil dan l-Għawdxi bħalna li issa se narawh preżenti fiż-żmien tal-Konklavi kull meta jinħatar Papa ġdid apparti li min jaf kemm-il darba se narawh fost il-Kardinali fil-Knisja ta’ San Pietru waqt tant funzjonijiet sbieħ ippreseduti mill-Qdusija Tiegħu. B’xorti tajba aħna nistgħu nsegwu dak kollu li jkun għaddej bil-belt Eterna permezz tar-RAI u żgur li għajnejna dlonk ifittxu l-figura ta’ dal-kompajżan kull meta taslilna xi trażmissjoni mill-Vatikan għax kif jgħid il-qawl: id-demm qatt ma sar semm!

Għażiż Dun Mario nifraħlek u jalla s-Sinjura tas-Sikkors u Papa kbir ieħor, San Girgor iħarsuk matul ħajtek kollha!

Kav Joe M Attard

25-10-2020