Għawdex għadu mingħajr il-120 sodda li kellhom jiżdiedu – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja li l-Gvern qal li se jiżdiedu 120 sodda fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, dawn għadhom ma żdidux.

Fi stqarrija, il-PN qal li għaddiet aktar minn ġimgħa minn meta permezz ta’ stqarrija għamlu numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għal Għawdex u Steward Health Care dwar il-preparamenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, iżda dawn il-mistoqsijiet ma ġewx imwieġba u fl-aħħar jiem komplew jiżdiedu minflok jonqsu l-inċertezzi marbuta mal-preparamenti fl-uniku sptar f’Għawdex.

Suldat Għawdxi li jaqdi dmiru fil-barracks tan-Nadur instab li għandu l-coronavirus. Huwa wieħed mill-żewġ każijiet ta’ Għawdxin li tħabbru llum u żdiedu mas-6 każi li kien hemm sas-Sibt.

Il-PN insista li hemm mistoqsijiet li għandhom jiġu mwieġba bla dewmien biex tisserraħ ras l-Għawdxin. Huwa elenka mill-ġdid lista ta’ mistoqsijiet.

  • Kemm-il sodda tat-terapija intensiva żdiedet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
  • Kemm-il ventilator hemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
  • Kemm ġew ordnati ġodda? Kemm waslu minn dawn il-ġodda?
  • Għaliex pazjenti li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 f’Għawdex qed jinżammu fis-swali normali ma’ pazjenti oħra? Min ħa din id-deċiżjoni? Dan mhux riskju żejjed?
  • Għaliex il-protokoll użat f’Għawdex huwa totalment differenti minn Malta?
  • Hemm tobba, infermiera u ħaddiema biżżejjed biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-pazjenti f’dawn is-sodod meta jiżdiedu u jekk jiġu bżonnhom?
  • L-anzjani ta’ Sant’Anna meta se jittieħdu fil-lukanda fir-Rabat minflok fl-Isptar Ġenerali?
  • Għaliex it-testijiet fuq swabs li jittieħdu f’Għawdex mhumiex isiru fil-laboratorju tal-Isptar Ġenerali?
  • Għaliex ma nġiebx l-apparat li hemm bżonn?
  • Għaliex ix-xufiera tal-ambulanzi u vetturi tas-saħħa tħallew kollha f’kontejner fuq xulxin?
  • Għaliex ma tqassmux f’postijiet differenti?

L-istqarrija tkompli tgħid li minkejja li mhux qed isiru operazzjonijiet li mhumiex urġenti, xorta waħda s-swali tal-isptar jinsabu mimlija minħabba numru ta’ anzjani li qed jistennew postijiet fi djar tal-anzjani.

L-Oppożizzjoni qalet li filwaqt li tifhem il-mument delikat, qed toffri l-kollaborazzjoni tagħna permezz ta’ rakkomandazzjonijiet u kritika kostruttiva biex Għawdex ukoll ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi li qed iġib miegħu dan il-virus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn