Għawdex għadu ħieles mill-coronavirus – Ministru

Appella lill-pubbliku sabiex vjaġġar li mhuwiex essenzjali bejn iż-żewġ gżejjer jiġi evitat

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li s’ issa kull test li sar fuq individwi ġewwa Għawdex irriżulta fin-negattiv.

“Għaldaqstant, ikkonferma li sa issa, Għawdex għadu ħieles minn dan il-virus,” stqarr Camilleri.

Il-Ministru kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn informa lill-pubbliku dwar il-miżuri li qed jittieħdu mill-gvern u mill-Ministeru għal Għawdex rigward il-Covid-19.

Hu qal li l-vapuri kollha tal-Gozo Channel billejl jiġu iffumigati. Il-Ministru spjega li dan qed isir sabiex, waqt li l-vapuri jkunu vojta, jiġu diżinfettati ħalli titnaqqas il-probabilità li l-virus jinfirex.

Il-Ministru għal Għawdex spjega li, “il-prattika li ħadna ftit tal-jiem ilu, fejn tajna struzzjonijiet li l-bibien tal-vapuri li jagħtu għal barra jkunu miftuħin il-ħin kollu, ser tibqa’ fis-seħħ. Dan sabiex innaqqsu l-kuntatt bejn persuni u l-handrails tal-istess bibien, kif ukoll għall-ventilazzjoni, minflok nużaw is-sistema tal-air conditioning. Dawn il-passi ħadniehom wara pariri li ngħatajna minn esperti fis-servizz tas-saħħa.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fakkar li, kif tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, ser jibda jsir screening tal-passiġieri kollha, kemm dawk li jgħaddu minn ġewwa t-terminals tac-Ċirkewwa, kif ukoll dawk li ser jimbarkaw bil-karozza.

Din id-deċiżjoni għandna mhux biss isservi ta’ deterrent, iżda jekk ikun hemm xi individwu li kien espost għall-virus, jitwaqqaf milli jirkeb abbord il-vapur.

Huwa wissa li dan jista’ jfisser li ikun hemm xi dewmien fit-tluq tal-vapur u għaldaqstant appella lil dawk li ser ikunu qed jimbarkaw il-vapur sabiex jaħsbu kmieni.

Il-Ministru għal Għawdex ħabbar li tkellem ukoll mal-uffiċjali ta’ Transport Malta, “sabiex dgħajjes tat-turisti ma jitħallewx iħottu n-nies fuq il-mollijiet f’Għawdex. Dan ser jfisser li l-unika point of entry ser tkun il-vapuri tal-Gozo Channel, li ser ikunu sorveljati kif spjegajt qabel.”

Appella lill-pubbliku sabiex vjaġġar li mhuwiex essenzjali bejn iż-żewġ gżejjer jiġi evitat. Hawnhekk elenka li l-pubbliku għandu jivvjaġġa bejn iż-żewġ gżejjer biss għal skop ta’ xogħol, kura medika jew supply-chain services.

Il-Ministru għal Għawdex serraħ moħħ il-poplu Għawdxi li jekk jirriżulta xi każ ta’ Covid-19 ġewwa Għawdex, il-pazjent ser jittieħed b’mod sigur għal Malta u dan anke permezz ta’ vapur tal-Gozo Channel li ser jkun chartered għal dan il-għan.

Barra minn hekk, hu qal li fl-eventwalità li s-sitwazzjoni teskala l-Ministeru ta’ Għawdex b’kordinament ma’ Stuart Health Care, u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ser inkunu qegħdin nassiguraw ammont sostanzjali ta’ sodod kemm ’il darba ikun jeħtieġ li l-Għawdxin jibdew jiġu kkurati għall-Covid-19 f’Għawdex stess.

Il-Ministru Clint Camilleri fakkar li madwar 3,000 Għawdxi jaqsam ta’ kuljum sabiex jaħdem ġewwa Malta u għaldaqstant appella ukoll lill-employers fis-settur privat sabiex jikkunsidraw b’mod attiv teleworking lill-ħaddiema li jgħixu Għawdex.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn