Għawdex b’roundabouts imżejna sal-aħħar tas-sena

MGOZ

Għawdex mistenni jkompli jkollu roundabouts imżejna minn tal-anqas sal-aħħar ta’ din is-sena.

Matul l-aħħar xhur, il-Ministeru għal Għawdex kien qed jaħdem biex għal diversi okkażjonijiet jittellgħu dekorazzjonijiet fir-roundabouts ewlenin f’Għawdex. Dan sabiex jitfakkru festi differenti bħall-Għid, Jum San Valentinu, Jum l-Ommu Jum il-Missier.

It-tiżjin kien qed jintrama anki biex iwassal messaġġ, fosthom dak li jidher fl-istampa, biex iwassal messaġġ kontra l-użu tad-droga.

 

Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għal Għawdex biex jippubblika d-dettalji dwar dan it-tiżjin. Fit-tweġibiet tiegħu, kelliem għall-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kkonferma li l-programm ta’ tiżjin differenti se jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ din is-sena, peress li fi kliemu “l-messaġġ li qed ngħaddu qed jasal u qed ikun effettiv”.

Qal li x-xogħol qed isir mill-ħaddiema tal-Ministeru u mill-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-Ċentru Santa Marta. Spjega li ħafna mill-materjal li qed jintuża f’dawn id-dekorazjonijiet ġej minn materjal reċiklat.

Spjega wkoll li l-iskop wara din l-inizjattiva hija biex titfakkar jew titqajjem interess jew kuxjenza dwar avvenimenti jew suġġetti partikulari.

Minnbarra din l-informazzjoni, Newsbook.com.mt staqsa aktar mistoqsijiet li madanakollu, il-Ministeru għal Għawdex għadu ma weġibx għalihom:

  1. Kemm sar armar differenti tal-istess tip sa issa?
  2. Għal liema okkażjonijiet saru?
  3. Fejn qed jitwaħħlu? Liema huma l-postijiet speċifiċi?
  4. Kemm huma stamti li ġew jiswew?
  5. Min awtorizza dawn il-ħlasijiet?
  6. X’armar hu previst għall-kumplament tas-sena?

X’taħseb dwar ir-roundabouts? X’tiżjin tixtieq tara f’Għawdex?