Għawdex b’NGO waħda biss li ngħatat fondi mill-Erasmus+

Din is-sena NGO waħda biss minn Għawdex ingħatat l-għajnuna mill-Erasmus+ biex tiffinanzja l-proġett tagħha.
L-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA), responsabbli mill-proġetti li jsiru permezz ta’ Erasmus+, din is-sena għażlet 21 proġett mis-47 li applikaw. Bejniethom dawn ingħataw €685,766.
Sitta minnhom kienu ta’ żewġ għaqdiet; tlieta ta’ PRISMS Malta u tlieta għas-Sależjani; tnejn għall-Oratorju Sależjani u oħra għal Salesian Pastoral Youth Service, f'Ħal Balzan.
Minn dawn il-proġetti, kien hemm NGO waħda biss f’Għawdex li ngħatat il-fondi. 
Din kienet l-Għaqda Mużikali Viżitazzjoni, fl-Għarb li ngħatat €55,710 għall-proġett mal-membri tagħha.
Minkejja li kelliema għall-EUPA qalet ma’ Newsbook.com.mt li ma tistax tagħti informazzjoni dwar għaqdiet mhux governattivi Għawdxin li ma ntgħażlux, sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li minn tal-inqas kien hemm żewġ għaqdiet oħra li applikaw.
L-għaqda PRISMS Malta ngħatat €81,305 għal tliet proġetti għall-youth workers.
Min-naħa l-oħra l-Oratorju Sależjan ingħata €46,156 għal żewġ proġetti għal maż-żgħażagħ li jattendu fir-residenzi tagħhom.
Dawn il-proġetti jaqgħu taħt Key Action 1, li tiġbor fiha proġetti ta’ youth exchanges, servizzi ta’ volontarjat barra minn Malta u mobility of youth workers.
Pjattaforma oħra ta’ Erasmus+ hija l-Key Action 3.  Taħt din il-pjattaforma applikat u ntgħażlet għaqda waħda minn Ħal Għaxaq.
Key Action 3 tiġbor fiha proġetti għal żgħażagħ li jiddiskutu bejniethom u jressqu għadd ta’ proposti lil nies li jieħdu d-deċiżjonijiet, bħalma huma l-politiċi.