“Għattieli wiċċi b’ġakketta u pprova jifgani”

Fr Vincent Magro mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl qal ma’ Newsbook.com.mt li waqt li kien qed jaqdi l-missjoni tiegħu fil-Perù kien spiċċa vittma ta’ serqa li setgħet swietu ħajtu meta ddeċieda li jmur waħdu għal ftit ħin fil-kampanja.

Fr Magro kien qed jirrakkonta wħud mill-esperjenzi li għadda minnhom waqt li kien qed jaħdem fil-komunitajiet fil-Perù, missjoni li bdiet fl-1968.

Spejga li l-każ seħħ fid-9 ta’ Lulju tal-2009 meta ddeċieda li jaqta’ ftit minn idejh u jieħu ftit tal-ħin għalih innifsu fil-kampanja. Spjega li għall-ħabta ta’ nofsinhar, x’ħin kien dieħel fil-karozza biex jaqbad triqtu lura lejn iċ-ċentru marru fuq żewġt irġiel sabiex jisirquh.

Fr Magro rrakkonta kif dak il-ħin qalilhom biex jieħdu l-flus kollha li kellu fuqu imma ma jmissuhx. Spejga li malli qal hekk qishom ippnotizzaw ruħhom. Minkejja dan, ħadulu kull ħaġa ta’ valur li kellu fuqu. Wara li għamlu hekk wieħed minnhom tefalu ġakketta fuq rasu u pprova jifgaw billi jgħafaslu rasu. Kien hemm li qal li talbuh ukoll iċ-ċavetta tal-karozza. Hu obda, imbagħad talbuh imur bilqiegħda taħt siġra u ma jiċċaqlaqx għal 10 minuti.

F’dak il-ħin ħarbu minn fuq il-post u wara 10 minuti, Fr Magro qam u sab triqtu lura lejn il-villaġġ fejn mar jirringrazza lil Madonna li jsejjħula ta’ “Ċapi” li sostna kienet hi li ħelsitu minn “bawxata”.

Fr Vincent Magro, li għamel snin twal jaħdem fil-Perù ma’ bosta persuni foqra kien irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt il-vjaġġ twil li għamel fuq il-baħar sabiex wasal fil-pajjiż.

Fl-1910, Mons. Joseph De Piro beda s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li hija kongregazzjoni missjunarja ta’ qassisin u patrijiet Kattoliċi. Fl-1921 is-soċjetà ħadet l-ewwel approvazzjoni djoċesana. F’din is-sena nfetħet l-ewwel dar għas-soċjetà. L-ewwel missjoni barra mill-pajjiż bdiet fl-1948 f’Sydney fl-Awstralja.