Agħti 100 jum ta’ ilma u elettriku b’xejn bħala rigal lill-poplu – Delia lill-PM

Read in English.

Wara li l-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ indirizza lin-nazzjon fuq l-istazzjoni nazzjonali f’għeluq il-100 jum tiegħu fil-pożizzjoni ta’ Prim Ministru ta’ Malta, Delia rreaġixxa u qal li jekk Abela jrid jagħti rigal lill-poplu mela għandu jagħtih 100 jum ta’ ilma u elettriku b’xejn.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Delia kien partikolarment ironiku fir-referenza tiegħu għad-diskors ta’ Abela. Abela, għall-ħabta tal-10pm ilbieraħ, qal li l-ewwel 100 jum tiegħu bħala PM kienu jiem twal ta’ ħidma biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Qal li flimkien mal-Kabinett kellu jaffaċċja sfidi kbar.

Delia rrimarka li hekk kif l-Oppożizzjoni m’għandhiex iċ-ċans li tuża l-istazzjon nazzjonali biex tgħaddi s-suġġerimenti u l-messaġġi tagħha, ta ftit ideat ta’ x’rigali jista’ jagħti l-Prim Ministru lill-poplu f’għeluq il-100 jum tiegħu f’Kastilja.

Rigward ir-rigal ta’ elettriku b’xejn, Delia qal li dan hekk kif l-Electrogas qed tagħmel il-miljuni grazzi għal dak li sejjaħlu “l-ħabib kriminali” ta’ Abela, Konrad Mizzi.

Delia qal ukoll li Abela għandu l-ewwel jibda billi jiddikjara null il-ftehim ta’ konċessjoni lil Vitals Global Healthcare u jagħti lura lill-pajjiż mal-€100 miljun. Ir-rigal l-ieħor li jagħmel referenza għalih huwa li l-Gvern jagħti l-assistenza tiegħu lill-100,000 ħaddiem li mhux qed jieħu l-għajnuna tal-Gvern skont il-benefiċċji offruti b’rabta mal-miżuri li daħlu fis-seħħ minħabba l-coronavirus.

Delia qal ukoll li 100 jum ilu, Abela kien qiegħdu li se jiddibattu kontra xulxin, iżda sal-lum, xorta għadu qed jibża’ jħares direttament f’għajnejn il-verità.

Abela laħaq Prim Minitru ta’ Malta f’Jannar wara li Joseph Muscat irreżenja b’rabta mal-għexieren ta’ għajtiet għar-riżenja tiegħu minħabba l-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fost oħrajn.