Għat-tkabbir tal-popolazzjoni se jħallsu s-sewwieqa Maltin – Toni Bezzina

Read in English.

Il-kelliem għall-Oppożizzjoni dwar it-Trasport, Toni Bezzina qal li l-Gvern qed jippresisti li jkabbar l-ekonomija billi jkabbar il-popolazzjoni. Skont Bezzina, ċertu rapporti fil-midja qed jindikaw li l-Gvern jaf jieħu miżuri drastiċi biex inaqqas l-użu tal-vetturi privata fit-toroq. Minħabba dan kollu se jispiċċaw ibagħtu s-sewwieqa għad-deċiżjoni tal-Gvern li jibqa’ jġib eluf ta’ barranin fis-sena.

Bezzina qal li bosta huma dawk li qed jirrikorru għall-użu tal-karozza privata biex jaslu minn post għal ieħor għax m’għandhomx fiduċha fit-trasport pubbliku. Il-popolazzjoni ta’ Malta kważi leħqet in-nofs miljun b’persuna minn kull sebgħa hu barrani. Skont Bezzina din hija d-doppju tar-rata Ewropea.

Minħabba dan kollu, xi studji li skont Bezzina qed jaslu għand il-Gvern, qed jissuġġerixxu li flok isir investiment fit-trasport alternattiv tal-massa, għandhom jittieħdu l-liċenzji tas-sewqan jew isir limitu fuq l-ammont ta’ karozzi fit-toroq. Bezzina spjega li minħabba l-politika tal-Gvern li jkabbar il-popolazzjoni, se jħallsu s-sewwieqa Maltin u Għawdxin.

Bezzina qal li hu ċar li ż-żieda fl-ammont ta’ karozzi privati ġodda jfisser li n-nies m’humiex moqdija bit-trasport pubbliku u qegħdin jispiċċaw jirrikorru għall-użu tal-karozzi privati u dan minkejja li qegħdin inħallsu €30 miljun fis-sena f’sussidji. L-Oppożizzjoni qalet li ilha ssostni li l-Gvern għandu jinvesti f’sistema tat-trasport tal-massa li tkun waħda effiċjenti, puntwali u effettiva kif ukoll eco-friendly li tħares l-ambjent.

Il-Partit Laburista jwieġeb

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Gvern għandu pjan mifrux biex inaqqas it-traffiku u l-limitu fuq l-użu tal-vetturi la qatt kien u lanqas hu parti minnu. Insista li dan iddikjarah kemm-il darba u din il-pożizzjoni ma nbidlitx.