Għassa mad-dar ta’ Daphne: medja ta’ 5 darbiet fis-sena

Ian Noel Pace

Il-Pulizija wettqu medja ta’ 5 ġranet fis-sena għassa mad-dar tal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li mill-elezzjoni tal-2008 saru 50 ġurnata ta’ fixed point mill-Pulizija mad-dar ta’ Caruana Galizia. Huwa kien qed jitkellem fil-ħin tal-aġġornament fis-seduta tal-Parlament li saret dalgħodu.

Huwa spjega li mir-riċerka li għamel jidher li l-iktar tul ta’ żmien ta’ fixed point mill-Pulizija saret bejn Settembru 2010 u Ottubru tal-2010, fejn il-Pulizija servew ftit inqas minn 30 ġurnata mad-dar ta’ Caruana Galizia. Il-ġranet l-oħra kollha kienu jaħbtu fi żminijiet tal-elezzjoni jiġifieri fl-2008, l-2013 u l-2017.

Huwa stqarr li mill-Korp tal-Pulizija bħal donnu kulħadd ħarab milli jsemmi dawn il-fatti. Qal li fil-Qorti, ċerta persuni konvenjentament għażlu li jgħidu li ma jiftakrux dettalji dwar dawn il-fixed points. Huwa qal dan bla ma semma lill-eks Kummissarju John Rizzo li fil-Qorti qal li kien hemm żminijiet fejn kien jagħmel fixed point, ġieli kien jagħmel patrols u ġieli kien iħalli pulizija għassa faċċata tad-dar.

Il-Ministru Farrugia li issa huwa responsabbli mill-Enerġija kien qabel responsabbli mill-Intern. Stqarr li kien qed jagħmel dawn l-istqarrijiet fil-Parlament biex juri b’mod ċar l-evalwazzjoni tal-affarijiet kif saru u ma sarux.

Stqarr ukoll li għall-finijiet ta’ sigurtà ma jħossx li għandu jsemmi l-ismijiet tal-persuni li minħabba theddida għal ħajjithom kellhom jew għad għandhom il-protezzjoni tal-Pulizija mad-dar tagħhom.