Aġġornata: Għasfur rari għall-ewwel darba f’Malta

Illum wara nofsinhar niżel Malta għasfur rari li jinsab fil-periklu tal-estinzjoni.
L-għaqda Kaċċaturi San Ubertu ħarġet stqarrija biex tavża lill-pubbliku biex iżomm għajnejh fuq l-għasfur, Velleran, li niżel qrib ta’ Qali.
Dr Natalino Fenech qal li jidher li din hi l-ewwel darba li għasfur ta’ dan it-tip niżel f’Malta. Qal li dan l-għasfur huwa wieħed minn 15 minn programm ta’ reintroduzzjoni li sar fit-Tramuntana tal-Italja.
Ġie spjegat li l-għasfur kellu jivvjaġġa madwar 1,500 kilomteru biex jasal hawn.
L-għaqda qalet li bħal issa, il-Pulizija qed iżżomm għajnejha fuq din it-tajra.
"Waħda minn 15-il tajra li trabbew fil-magħluq biex ikunu ssorveljati" – FKNK
Sadanittant, il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) qalet li kien sar proġett f'Fagagna fl-Italja biex din l-ispeċi ma tispiċċax.
Meta eżemplari ta' din ir-razza nħelsu dawn marru f'Gela u l-Calabria, u t-tajra li ġiet Malta l-ewwel waħda li passiet.
Ritratt: Mark Zammit Cordina