​Għasfur protett u rari jinqatel b’tir fis-Salina

Birdlife Malta qalet li xifa protetta, li huwa għasfur tal-passa rari, inqatlet f’nofs ta’ lejl fi tmiem il-ġimgħa fis-Salina wara li qattgħet xi jiem tal-ġimgħa l-oħra fir-riserva naturali tal-Għadira.
Birdlife Malta qalet li dan l-għasfur kien sorveljat binhar u billejl waqt li kien fir-riserva tagħha fl-Għadira. Madankollu meta kien qed itir lejn is-Salina, Birdlife qalet li xi ħadd spara fuq dan l-għasfur u qatlu fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu. Qalet li jidher li min wettaq dan l-att illegali jew daħal fir-riserva f’nofs ta’ lejl jew inkella fetaħ in-nar fuq din l-ispeċi protetta mid-dawra ta’ barra tal-post.
Wara li sar rapport lill-Pulizija, l-għasfur deher mejjet f’wiċċ l-ilma. L-għasfur mejjet inġabar minn uffiċjal ta’ Birdlife u ttieħed għand il-veterinarju tal-gvern li kkonfermat li x-xifa nqatlet illegalment b’tiri ta’ senter.
Kundanna mill-Kaċċaturi San Ubertu li jridu investigazzjoni dettaljata
Intant l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu kkundannat dan l-att illegali u appellat lill-awtoritajiet jagħmlu investigazzjoni dettaljata. Appellat lill-Pulizija jagħmlu użu mis-CCTV cameras tal-inħawi biex jinqabad il-persuna responsabbli.
L-għaqda tal-kaċċaturi qalet li kellha diversi membri tagħha li kienu qed isegwu lil dan l-għasfur, tant li ppubblikat ritratti tax-xifa li ttieħdu minn żewġ kaċċaturi.
Ritratti: Birdlife Malta, Kaċċaturi San Ubertu