Għasfur protett midrub f’Għawdex

L-għaqda Birdlife ġabret għasfur rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies li kien ferut permezz ta’ tiri ta’ senter fl-Għarb Għawdex.

Fi stqarrija l-BirdLife qalet li dan l-għasfur instab minn familja li kienet għal btala f’Għawdex.

Il-Bies kien speċi komuni li jbejjed fil-Gżejjer Maltin iżda sar estint mit-tmeninijiet minħabba l-kaċċa bl-addoċċ. Maż-żmien dan l-għasfur reġa’ beda jbejjed f’żoni remoti tal-kosta Maltija. Il-BirdLife qalet li dan l-għasfur spiċċa vittma ta’ kaċċatur li suppost qiegħed għall-kaċċa tal-fenek.

Spjegat li fl-2018 it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU), bidlet il-liġijiet tal-kaċċa tal-fenek biex il-kaċċaturi jkunu jistgħu jmorru fejn iridu b’senter ikkargat u żiedet li l-kaċċaturi qed jużaw dan il-paraventu biex joħorġu għall-kaċċa għall-għasafar u l-istaġun tal-kaċċa jiġi estiż anke għax-xhur tas-sajf.

Mill-ftuħ tal-kaċċa tal-fenek fl-1 ta’ Ġunju s’issa ġew feruti jew maqtula disa’ għasafar protetti bit-total mill-bidu tas-sena huwa ta’ 113. Huma spjegaw li b’dan l-ammont f’Awwissu ntleħaq il-livell rekord tal-2018 meta f’sena kien hemm 114-il għasfur.

Il-Birdlife appellat lill-pubbliku biex isegwi l-kampanja #onthemove li se tkun qiegħda titnieda sabiex tingħata iktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jgawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar huma u jpassu.