“Għas-sigriet tal-Qrar m’hemmx eċċezzjonijiet” – Il-Vigarju

Il-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi jisħaq li s-sigriet tas-sagrament tal-Qrar m’għandux eċċezzjonijiet.
F’intervista għall-programm Newsline fuq RTK, li jixxandar għada filgħodu*, il-Vigarju jgħid li l-opinjoni tal-Kummissjoni tal-Gvern Awstraljan, li temmen li s-sigriet tal-Qrar għandu jinkiser f’każ ta’ abbuż tat-tfal, hi eżatt il-kontra ta’ dak li temmen fih il-Knisja Kattolika madwar id-dinja.
Sostna li f’każ li jkun hemm eċċezzjoni għall-każi ta’ abbuż tat-tfal, is-sigriet jibda jinkiser anke f’każi oħra.
“Irid ikun lest li jagħmel minn kollox biex ma jiksrux”
Mons. Galea Curmi semma wkoll kif saċerdot li jikser is-sigriet tal-Qrar ikollu l-piena tal-iskomunika.  Jaqbel mal-Arċisqof ta’ Melbourne li jgħid li lest imur il-ħabs, l-aqwa li ma jiksirx is-siġill tas-sagrament.
Anzi żied jgħid li saċerdot irid ikun lest li saħansitra jmut biex isalva s-sigriet.
Fisser kif mill-midja soċjali fl-aħħar jiem, deher kif ħafna nies bdew jitkellmu fuq il-Qrar, b’mod li ma jafux eżatt x’inhu. Tenna li saċerdot ma jista’ jagħmel qatt użu minn dak li jsir jaf fil-Qrar dwar il-ħajja tal-penitent.  Spjega kif fih innifsu, is-sagrament jassigura lil kull min iqerr, li s-saċerdot mhux se jikxfu.
Madanakollu, f’każ ta’ abbuż tat-tfal, is-saċerdot irid jgħin lill-persuna terfa’ r-responsabbiltà tagħha, waqt li tagħraf is-serjetà tal-azzjoni tagħha u tieħu azzjoni dwarha.
Is-saċerdot ikun kompliċi?
Mons. Galea Curmi stqarr li s-saċerdot qatt ma jista’ jkun kompliċi għax ma jikxifx, minħabba li hu marbut bis-sigriet. Iżda jemmen li saċerdot dejjem jista’ jħeġġeġ lill-persuna biex tieħu azzjoni u titkellem ma’ xi ħadd barra l-Qrar.
Il-Vigarju Ġenerali tkellem ukoll dwar informazzjoni li tasal għand is-saċerdot, mhux fil-Qrar. F’dan il-każ saħaq li s-saċerdot għandu l-obbligu, li jara li jsir rapport u jieħu passi immedjati.
Is-Safeguarding Commission
Semma l-irwol tal-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli fi ħdan il-Kurja, li tista’ tkun mudell għal organizzazzjonijiet oħra, biex it-tfal jiġu protetti.
Taħriġ għall-Qrar
Mons. Joe Galea Curmi rrimarka li s-saċerdoti jiġu mħarrġa għal dan is-sagrament, kemm meta jkunu għadhom seminaristi, kif ukoll meta jkollhom il-ministeru tas-saċerdozju. Spjega li t-taħriġ jinkludi wkoll prattika. 
L-intervista sħiħa mal-Vigarju Ġenerali se tixxandar għada filgħodu waqt il-programm Newsline fuq RTK (10am – 12pm). Jiddiskutu fl-istudios is-sigriet tal-Qrar: Fr Jimmy Bonnici, id-Direttur tal-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali u Andrew Azzopardi li jmexxi l-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli.