​Għarralek jekk ħsibt li mhux se terġa’ toħroġ il-kowt!

Is-sit tal-bassara tat-temp indipendenti FirstMalta.com qed ibassar temperaturi aktar friski, hekk kif fil-jiem li ġejjin l-ogħla temperatura mistennija tilħaq il-15-il grad Celsius.
Fi stqarrija, qal li min-nhar il-Ġimgħa qed jiġu previsti temperaturi kesħin u xita matul il-ġurnata kollha.
Dan b’kuntrast mat-temperaturi ta’ bħalissa li qed jilħqu madwar 20 grad, 5 gradi iktar mill-medja għal dan iż-żmien.
Nhar il-Ġimgħa t-temperatura se tinħass 11-il grad matul il-ġurnata.
Fil-ġranet ta’ wara t-temperatura se tkun tvarja bejn 15 u 16-il grad matul il-jum u viċin id-9 gradi mal-lejl.
FirstMalta jgħid ukoll li din l-arja friska li se tinżel minn fuq l-Ewropa mistennija tnaddaf l-atmosfera fuq il-gżejjer Maltin mit-trab fin li qed jaffetwana bħalissa u li twassal fuqna ftit ġranet ilu minħabba r-riħ qawwi li oriġina mix-Xlokk u ġarr ammont kbir ta’ ramel mid-deżert Saħara u laħaq saħansitra saċ-ċentru tal-Italja.