Għargħar u xita torrenzjali fil-Greċja; 7 persuni jitilfu ħajjithom

Ritratt: https://twitter.com/keeptalkingGR

Read in English.

Seba’ persuni tilfu ħajjithom wara li xita torrenzjali u maltempata qawwija kkawżaw għargħar fuq il-gżira ta’ Evia, fil-Greċja.

Uffiċjali tat-tifi tan-nar irrappurtaw li tlieta mill-vittmi, inkluż tarbija, instabu fil-villaġġ ta’ Politika. Erba’ oħra nstabu fil-villaġġ ta’ Amfithea u fiż-żona ta’ Bourtzi li tinsab fiċ-ċentru ta’ Evia, fil-grigal ta’ Ateni.

Il-ħaddiema ta’ salvataġġ għadhom qed ifittxu persuna li ġiet irrappurtata nieqsa. 

Id-Deputat Ministru għall-Protezzjoni Ċivili, Nikos Hardalias, qal li l-pajjiż qed jaffaċċja fenomenu li qatt ma kien esperjenza qabel, u żied jgħid li l-bidla fil-klima qed tagħmilha aktar diffiċli li wieħed jipprevedi l-intensità ta’ dawn il-maltempati.

L-aħħar kejl ikkonferma li kienet niżlet madwar 350mm ta’ xita fl-aħħar 24 siegħa, minkejja l-previżjonijiet li kellu jkun hemm madwar 63mm ta’ xita.