Aġġornata: Filmat: 4 jmutu fl-għargħar li ħakem Spanja

4 persuni tilfu ħajjithom fl-għargħar li ħakem lil Spanja, wara li żewġ persuni oħra mietu l-Ġimgħa.

Kmieni dalgħodu persuna tilfet ħajjitha meta għaddew bil-karozza minn taħt pont f’Almerìa. Raġel ta’ 36 sena ukoll miet f’Granada meta huwa nġarr bil-vettura b’kollox mill-għargħar.

Il-maltemp li għaddej bil-mod minn fuq Spanja wassal biex niżel ammont rekord ta’ xita u irjieħat qawwija. Mijiet ta’ persuni spiċċaw kellhom jitilqgħu minn djarhom. Konsegwenza tal-maltemp diversi toroq u skejjel fir-reġjun ingħalqu.

Għargħar fi Spanja joqtol 2 persuni

Żewġ persuni tilfu ħajjithom fi Spanja wara li l-għargħar ġarr il-karozza tagħhom bil-konsegwenza li din inqalbet fil-lvant tal-pajjiż. Dan ġara l-Ħamis.

L-awtoritajiet Spanjoli ħarġu diversi avviżi għax-Xlokk tal-pajjiż.

Il-vittmi huma żewġt aħwa ta’ 51 u 61 sena u inqatlu fir-reġjun ta’ Castilla La Mancha.

F’Valencia diversi residenti ġew evakwati minn darhom wara li minn tal-inqas żewġ xmajjar faru.

Il-Ħamis xita qalila waslet biex diversi karozzi nġarrew mill-ilma u għalqu toroq f’Orihuela fil-provinċja ta’ Alicante.

Is-Sindki ta’ Ontinyent qal li niżżlu 300 mm ta’ xita. Dan ilu ma jiġri mal-100 sena.

Il-lezzjonijiet fl-iskejjel f’Valencia u Murcia ġew sospiżi minħabba x-xita qalila.