Għargħar iħallu 15 mejta fil-Vjetnam

REUTERS

L-ammont ta’ nies mejta tela’ għal 15 hekk kif għarar u xmajjar ta’ tajn ħakmu l-Vjetnam. L-awtoritajiet qed iwissu li n-numru ta’ nies mejta jista’ jiżdied għax it-temp jidher li se joffri aktar xita qliel fir-reġjuni li ntlaqtu l-agħar jiġifieri r-reġjuni tat-tramuntana b’ammont kbir ta’ muntanji.

Il-provinċja ta’ Lai Chau li tinsab 470 km bogħod minn Hanoi intlaqtet l-agħar bil-mewt ta’ tnax il-ruħ, inklużi żewġt itfal.

Skont Reuters, bosta vittmi għerqu jew inġarrew bix-xmajjar tat-tajn li kienu kkawżati bix-xita qliel minn nhar is-Sibt li għadda.

Kelliema għall-awtoritajiet qalu li qed jistennew li n-numru ta’ vittmi jkompli jikber kemm minħabba l-ammont ta’ xita prevista u kemm għax għad baqa’ 11-il persuna nieqsa.